Seħħet ħaġa stramba fl-isfond tal-kumpilazzjoni li hemm għaddejja fil-qorti kontra Yorgen Fenech li jinsab mixli bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fil-bidu ta’ Diċembru d-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia ppreżenta nota fil-qorti li permezz tagħha lmenta li Simon Mercieca kien qed jattakkah ripetutament, kien qed jimminah u kien qed jipprova jkisser il-kredibilità tiegħu dan kollu għaliex kien qed jaqdi dmiru billi jitkellem għan-nom tal-istat f’każ kontra persuna li hi suspettata bi qtil.

Kien għadu ma rċeviex tweġiba sakemm, ħin bla waqt, fit-28 ta’ Diċembru Philip Galea Farrugia fil-qorti sema’ lill-Maġistrat Rachel Montebello taqra’ digriet tagħha b’risposta għal rikors li kien ġie preżentat fis-16 ta’ Diċembru mill-avukati ta’ Yorgen Fenech. La d-Deputat Avukat Ġenerali, la l-pulizija li qed imexxu l-każ u lanqas il-membri tal-familja tal-vittma ma kienu għadhom semgħu – aħseb u ara kemm kienu qraw – li l-avukati ta’ Yorgen Fenech kienu ppreżentaw dan ir-rikors.

Madankollu l-Maġistrat tat id-digriet u qalet li bil-kitba tiegħu dwar il-prosekutur, Simon Mercieca kien ħati ta’ disprezz lejn l-awtorità tal-qorti għaliex min jattakka lill-avukati jkun qed jattakka wkoll uffiċjali tal-qorti u għaldaqstant dan jammonta għal disprezz. Dan id-digriet ma kienx fih dak li talbu l-avukati ta’ Yorgen Fenech.

Il-Maġistrat qalet ukoll li kitba satirika ta’ persuna fittizja li ġġib l-isem Karl Stennienibarra fil-websitebis-serjeta.com” tammonta għal disprezz lejn l-awtorità tal-qorti għaliex dan kien laqqam lill-avukati ta’ Yorgen Fenech bħala “avukati mafjużi”.

Aqraw hawn artiklu ta’ Victor Borg li jispjega għaliex dan id-digriet huwa wieħed tabilħaqq perikoluż.

Fid-digriet tagħha l-Maġistrat Montebello għamlet ukoll xi  “rakkomandazzjonijiet” lill-mezzi tax-xandir dwar il-mod kif dawn qed jirrappurtaw il-każ ta’ Yorgen Fenech. Per eżempju l-Maġistrat  “irrakkomandat” li ċerti persuni (bħali) m’għandhomx jikkummentaw jew jiktbu rapporti dwar il-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech. Skont il-Maġistrat, rapporti dwar dan il-każ għandhom biss jinkitbu biss minn entitajiet ġurnalistiċi u mhux minn individwi. Mid-dehra, l-Maġistrat mingħaliha li r-rapport imxandar mill-One TV għandu jkun aktar qrib il-verità minn rapport imxandar minni.

Tistgħu tibqgħu ċerti li din ir-rakkomandazzjoni bi ħsiebni ninjoraha.

Ser ninjora wkoll ir-rakkomandazzjoni biex noqgħod lura milli nikkummenta dwar dak li qed joħroġ mix-xhieda fil-każ kontra  Yorgen Fenech.

Sal-lum żammejt lura milli nikkummenta b’mod iebes dwar dan id-digriet li ngħata tmiem is-sena minn Rachel Montebello. Dan għaliex, sal-lum, kont għadni ma nafx għal liema rappurtaġġ kienet qed tirreferi meta ħarġet bir-rakkomandazzjonijiet tagħha.

Illum kelli l-okkażjoni li naqra’ kopji tar-rapporti li l-avukati ta’ Yorgen Fenech hemżu mal-ilment tagħhom lill-qorti tas-16 ta’ Diċembru. Skont dawn l-avukati, r-rapporti li kienu qed jilmentaw dwarhom kienu qed jiksru d-dritt fundamentali ta’ Yorgen Fenech li jingħata smiegħ xieraq. Lil dan ir-rappurtar dawn l-avukati sejjħulu “ta’ preġudizzju” u “żbilanċjat kontra” Yorgen Fenech u allegaw li “jħammeġ ir-reputazzjoni ta’ Yorgen Fenech u qed ikun ta’ preġudizzju u ta’ xkiel għall-proċeduri li qed isiru kontra tiegħu.”

L-ewwel rapport, minn sensiela ta’ rapporti mehmużin mal-ilment, huwa artiklu li xandart jien fuq din il-website: “Jitwaħħdu l-interessi ta’ Yorgen Fenech u ta’ Robert Abela”. Dan l-artiklu ttratta dwar l-interess komuni li għandhom Yorgen Fenech u Robert Abela li  tintemm ħesrem l-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Yorgen Fenech ma ridnix nikteb dak li ktibt u l-avukati tiegħu lmentaw lill-qorti li permezz tal-kitba tiegħi kont qed nippreġudika d-drittijiet fundamentali ta’ Yorgen Fenech. Il-Maġistrat irrakkomandat li ma kellix nikteb dak li ktibt, jew, għaliex jien individwu u mhux entità ġurnalistika, għandi noqgħod lura milli nikteb dwar dan is-suġġett.

Tistgħu tibqgħu ċerti li din ir-rakkomandazzjoni bi ħsiebni ninjoraha wkoll.

L-attakk ma sarx biss fuq l-artiklu li ktibt jien.

Saru lmenti wkoll dwar rapporti mxandra fin-Newsbook dwar il-fehma personali ta’ Jason Azzopardi li l-persuna li tinsab mixlija bil-qtil ta’ membru tal-familja tal-klijenti tiegħu hi tabilħaqq ħatja tal-akkużi li qed jinġiebu kontriha u li postha hu fl-iżbarra. Yorgen Fenech dan ir-rapport ma riedx li int jaqrah. U l-Maġistrat Rachel Montebello tidher li qiegħda taqbel miegħu.

L-avukat ta’ Yorgen Fenech ilmentaw ukoll dwar rapport imxandar mill-Malta Today dwar stqarrija li għamel Arnold Cassola li permezz tagħha talab lill-Ministru Michael Farrugia “jispjega ruħu” dwar il-laqgħa li dan kellu ma’ Yorgen Fenech lejliet dakinhar li nbidlet il-politika tal-gvern dwar il-bini tat-torrijiet fl-Imrieħel. Dawn ilmentaw ukoll dwar rapport simili mxandar fil-Lovin Malta li ttratta dwar rabtiet oħrajn bejn Michael Farrugia u Yorgen Fenech. Yorgen Fenech dan ir-rapport ma riedx li int taqrah. U l-Maġistrat Rachel Montebello tidher li qiegħda taqbel miegħu.

L-avukati ta’ Yorgen Fenech ilmentaw ukoll dwar rapport li xxandar fit-Times of Malta li żvela li fl-2018 dak li kien il-Kap tal-MFSA Joe Cuschieri kien siefer lejn Las Vegas ma’ Yorgen Fenech. Yorgen Fenech dan ir-rapport ma riedx li int taqrah. U l-Maġistrat Rachel Montebello tidher li qiegħda taqbel miegħu.

L-avukati ta’ Yorgen Fenech ilmentaw ukoll dwar rapport imxandar fil-ġurnal Illum dwar konversazzjonijiet li kienu seħħew permezz tal-WhatsApp bejn Yorgen Fenech u ministri tal-kabinett li kixfu r-rabtiet bejn il-gvern u n-negozjanti f’dan il-pajjiż. Yorgen Fenech dan ma riedx li int taqrah. U l-Maġistrat Rachel Montebello tidher li qiegħda taqbel miegħu.

L-avukati ta’ Yorgen Fenech ilmentaw ukoll dwar kumment imxandar fil-Facebook minn Corinne Vella, oħt Daphne Caruana Galizia, dwar rapport li xxandar fin-Newsbook dwar il-ftehim li ntlaħaq bejn Apap Bologna u Gasan biex dawn “iħallsu €2.5 miljun lil Yorgen Fenech ‘tal-kuntatti li rnexxielu jagħmel mal-awtoritajiet’.” Dawn ilmentaw dwar kitba fil-Facebook minn Matthew Caruana Galizia li permezz tagħha kkritika n-nuqqas ta’ azzjoni minn naħa tal-Pulizija dwar l-email li kien bgħat l-uffiċjal tas-SOCAR involut fil-konġura Electrogas ma’ Yorgen Fenech u ma’ Konrad Mizzi. Yorgen Fenech dan ma riedx li int taqrah. U l-Maġistrat Rachel Montebello jidher li qiegħda taqbel miegħu.

Biex inkun ġust mal-Maġistrat, jeħtieġ li niċċara li din ma ppruvatx tipprojbixxi lil dan it-tip ta’ rappurtar u lill-kummenti li xxandru. Iżda l-Maġistrar għażlet li lill-prosekutur, lill-avukat ġenerali u lill-avukati tal-vittma, ma tagħtihomx iċ-ċans li jwieġbu u li jgħidu tagħhom, u b’hekk bierket l-attakk li għamel Yorgen Fenech fuq id-dritt ta’ kull ċittadin f’dan il-pajjiż li jsir jaf x’kien twettaq minnu minn wara l-kwinti.

Issa wasalna s’hawn u jidher li, kieku kien għall-Maġistrat, ma kellux ikun hemm rappurtar dwar l-iskandlu tal-Electrogas, dwar l-iskandlu tal-imtieħen tar-riħ tal-Montenegro, dwar l-iżbalji – kemm ġenwini kif ukoll dawk li saru apposta – li saru fl-investigazzjoni dwar il-qtil u dwar ir-rabtiet korrotti bejn Yorgen Fenech u persuni pubbliċi.

Il-verità hi li ma jistax ikollna demokrazija sħiħa jekk dawn l-istejjer jiġu mistura mill-pubbliku – stejjer li għandu kull dritt li jsir jaf dwarhom – kemm jekk dawn jinsatru permezz ta’ digriet tal-qorti jew minħabba l-biża’ b’konsegwenza tar-“rakkomandazzjonijiet” tal-qorti.  Ser ikun hemm uħud li ser jiġu mġiegħla joqgħodu lura għaliex dawn ġeneralment jippreferu li jobdu d-direzzjonijiet li tagħti l-qorti. U jkun hemm oħrajn li jinħakmu mill-biża’ minħabba l-mod kif qed jiġi ttrattat “Karl Stennienibarra”.

Ma jistax isir paragun bejn dak li kiteb Simon Mercieca u dak li xxandar f’bis-serjeta.com jew f’xi artiklu ieħor.

Fi ftit kliem, rappuurtaġġ li jkun veritier, fattwali, onest u bilanċjat ma jista’ qatt ipinġi f’dawl sabiħ lil Yorgen Fenech. U ta’ dan jaħti biss Yorgen Fenech. Bħala ġurnalisti ma nistgħu naċċettaw qatt l-idea li għandna nagħmlu sarima ma’ ħalqna biex ma jkunx hemm iċ-ċans li jidher ikraħ Yorgen Fenech.

Dan huwa żvilupp mill-aktar stramb. U, m’għandniex xi ngħidu, bi ħsibni ninjorah kompletament.