Il-bieraħ smajt kummentatur televiżiv jikkritika lil Donald Trump billi stqarr li dan tant għandu biża’ mill-partitarji tiegħu stess u li m’għandux il-kuraġġ igħidilhom il-verità – jiġifieri li hu tilef l-elezzjoni presidenzjali. Dan il-kummentatur ikkwota wkoll lil Winston Churchill: “Id-dittaturi jirkbu fuq it-tigri u mbagħad ma jażżardawx jaħarbu minnhom. U dawn it-tigri qed jaqbadhom il-ġuħ.”
Din il-kwotazzjoni ġiegħelitni nirrifletti dwar il-kuntest Malti. Fiż-żmien qasir li ilu prim ministru, Robert Abela wera’ li hu ġifa. Qatt ma kellu l-kuraġġ li lill-partitarji tiegħu jg]idilhom li l-mexxej ta’ qablu kien mexxa’ gvern korrott li kien ġab mistħija u kien ta’ ħsara kbira għal pajjiżna. Qatt ma kellu l-kuraġġ jammetti li l-migrazzjoni hi fatt tal-ħajja u li Malta għandha obbligu morali u legali li ssalva lil min ikun fil-periklu li jegħreq fil-baħar.
Mhux hekk biss. Lanqas biss għandu l-kuraġġ igħid lin-nies tiegħu li għad fadlilna triq għat-telgħa biex isibu tarf tal-imxijja Covid u li jeħtieġ li nkomplu nagħmlu l-almu tagħna biex niġġieldulha qabel inkunu nistgħu nserrħu rasna li sibnilha tarfha.
Robert Abela ma jaħtix għat-tixrid tal-imxijja. Ħadd m’hu ser jeħodha kontra tiegħu għall-kawtela u l-għaqal li huma meħtieġa fil-ġlieda kontra l-pandemija u dan biex kemm jista’ jkun ma jmutux in-nies.
Iżda jidher li m’għandux il-ħila li jittratta kif suppost mal-uġiegħ – li wieħed jista’ jifhmu – li qed iħossu l-operaturi ekonomiċi bir-restrizzjonijiet u l-issikkar li huma meħtieġa. M’għandux il-kuraġġ li jieħu deċiżjonijiet iebsin – iżda meħtieġa – għax dawn x’aktarx jistgħu ma jinżlux ħelu ma’ xi wħud.
Għandu l-ħila biss li joħlom b’ottimiżmu mhux ġustifikat. M’għandix biżżejjed informazzjoni biex niġġudika jekk l-għaqda tal-għalliema kienitx ġustifikata jew le li llum tordna strajk fost il-membri tagħha. Iżda huwa ċar li l-pariri uffiċjali tal-awtoritajiet tas-saħħa m’humiex jiġu fdati bħala pariri oġġettivi msejsin fuq ix-xjenza li nkunu nistgħu nserrħu fuqhom, hi x’inhi l-fehma tagħna dwar Robert Abela.
Tal-MUT ċertament urew li m’humiex jemmnu dak li qed igħidulhom tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni fis-sens li dawn ħadu parir mingħand id-Dipartiment tas-Saħħa li l-iskejjel jistgħu jibqgħu miftuħa minkejja ż-żieda bla preċedent fir-rati tal-imxijja.
Hi x’inhi l-fehma tal-MUT, xi skejjel indipendenti u tal-knisja kienu diġà ddeċidew li jagħlqu u ma qagħdux jistennew id-direzzjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa. Dan m’huwiex ħlief sinjal li aktar u aktar aġenziji fil-pajjiż qed jitilfu l-fiduċja fit-tmexxija governattiva tal-kriżi fil-qasam tas-saħħa.
Chris Fearne l-bieraħ stqarr li jkun prematur jekk noqgħodu ninkwietaw dwar iż-żjieda fir-rata tal-infezzjonijiet bl-imxijja għaliex din iż-żieda setgħet ġiet kaġunata mit-taħlit li kien hemm fost in-nies matul il-festi tal-Milied. Jekk dan huwa minnu, allura r-rata tal-infezzjonijiet għandha terġa’ tonqos fil-ġranet li ġejjin.
Dan huwa raġunar loġiku li minnu jinbtu xi osservazzjonijiet loġiċi. Jekk it-taħlit irresponsabbli li seħħ matul il-festi tal-Milied ikkaġuna żjieda fl-infezzjonijiet, biex inniżżlu r-rati jkun jeħtieġ li l-infettati jiġu iżolati biex b’hekk ma jittiħidx ħaddieħor bil-mard.
Jidher li jagħmel sens jekk l-iskejjel jingħalqu għal żmien qasir biex jitnaqqsu l-kuntatti fiżiċi.
Jien m’jienix espert mediku u nimmaġina li tal-MUT bħali. Iżda kemm jien kif ukoll tal-MUT għandna xi ftit tas-sens komun biex nintebħu malajr bl-inkoerenza.
Ikun ġenn jekk nibqgħu għaddejjin bħallikieku m’hu jiġri xejn, speċjalment jekk din l-attitudni tkun il-kaġun aktar imwiet.
Agħtu daqqa t’għajn lejn din il-kitba li xxandret il-bieraħ fil-Facebook mit-tmexxija ta’ waħda mill-iskejjel tal-gvern.
Din il-kitba tikxef mhux biss il-konfużjoni li teżisti. Tikxef ukoll li l-gvern qed jipprova jaħrab mir-realtà ta’ madwarna bit-tlissin ta’ ħafna stqarrijiet ottimisti.
Turi wkoll li, filwaqt li gvernijiet ta’ pajjiżi ġirien tagħna bil-kalma qed jaħdmu qatigħ biex inaqqsu l-effetti tal-imxijja, l-gvern tagħna qed iġib ruħu bħallikieku qed jilgħab l-imħatri u jidher li qed jitlef imħatra wara oħra. Il-gvern jidher li ddeċieda li għandna nilħqu l-immunità kemm jista’ jkun malajr bit-tama li terġa’ titla’ xemx li tnessina fil-mijiet li tilfu ħajjithom minħabba l-inkompetenza tiegħu.
Meta n-nies tibda’ tiddeċiedi għal rasha u ma tibqax tafda l-pariri uffiċjali għaliex dawn tant ikunu nkonsistenti li joħolqu konfużjoni fl-imħuħ, inkunu wasalna fi stadju perikoluż.
Il-festini li saru matul il-ġranet tal-Milied ma seħħewx għaliex aħna poplu rresponsabbli. Seħħew għaliex in-nies ingħataw x’jifhmu mill-prim ministru li l-imxijja hi ħaġa tal-imgħoddi għaliex Robert Abela diġà sabilha tarfha meta tniżżlu dawk il-kaxxi tal-vaċċin mill-ajruplan privat.
Robert Abela qalilna li lill-imxijja kien sabilha tarfha, serrħilna rasna li bis-saħħa tal-ħila tiegħu l-poplu Malti jista’ jorqod b’rasu mistrieħa aktar minn ħaddieħor u tana sens ta’ sigurtà falza. U bis-saħħa ta’ dan id-diskors fieragħ, l-imxijja sabet għalqa għammiela fejn tkun tista’ tkompli xxettel.
Bħalissa għandna ma’ wiċċna emerġenza medika serja li fl-istess ħin tixbaħ u hi wkoll differenti minn dik li kellna f’Marzu li għadda. L-imxijja għadha magħna b’aktar saħħa. Iżda l-gvern jidher li m’huwiex maħkum mill-biża’ li kellu s-sena li għaddiet. Il-gvern aktar moħħu fin-nuqqas ta’ popolarità, fl-istaġnar ekonomiku u f’xi tpattija elettorali. Madankollu din id-darba għandna l-vaċċin u t-tama li għad noħorġu mid-dlam li ninsabu fih.
Din m’hi xejn ħlief taħlita tossika.