Il-bieraħ Robert Abela sfida lill-oppożizzjoni biex tappoġġjah dwar diversi kwistjonijiet importanti ta’ politika. Ta’ qablu kellu oppożizzjoni mansa u għaldaqstant qed jistenna’ li l-oppożizzjoni, issa b’mexxej differenti, tgħaddi mill-istess triq. Nittama li l-oppożizzjoni m’hix ser tiżfen għad-daqqa tiegħu.
Il-PN għamel sew meta ddeċieda li ma jappoġġjax in-nomina mill-ġdid ta’ John Mamo bħala chairman tal-MFSA. M’għandniex nissottovalutaw is-sinjifikat ta’ deċiżjoni bħal din. Sa minn kmieni fis-snin disgħin, iż-żewġ partiti ppruvaw li jikkoperaw fejn tidħol il-politika dwar is-servizzi finanzjarji. Il-liġijiet li ddaħħlu u li jirregolaw dan il-qasam kienu neqsin mill-kontroversji u l-ħatriet għoljin saru bi ftehim bejn iż-żewġ naħat.
Iżda f’dawn l-aħħar 8 snin rajna x’jista’ jwettaq gvern korrott biex dan il-ftehim jimsħu mal-art. L-oppożizzjoni kienet baqgħet lura milli toħroġ qatta’ bla ħabel kontra mġieba llegali u dan il-fatt ġie sfruttat mill-gvern.
Il-messaġġ li għadda John Mamo fis-sens li ma kellu “ebda ndiema” ma ntlaqgħax tajjeb u bgħat sinjal ikraħ. L-MFSA ppermettiet li tingħata daqqa wara l-oħra lir-reputazzjoni tajba ta’ Malta fil-qasam tas-servizzi finanzjarji biex issa l-ħsara li saret qed iddgħajjef il-prospetti ta’ pajjiżna f’dan il-qasam. Iżda l-qofol tad-diżastru kien meta l-MFSA ħatret lil Joseph Cuschieri bħala kap eżekuttiv. Saħansitra anki dwar is-safra li dan kien għamel f’Las Vegas ma’ Yorgen Fenech, John Mamo ħass li ma kellux għalxiex jesprimi ndiema.
U issa Robert Abela qed jippretendi li l-oppożizzjoni għandha tappoġġjah fejn tidħol l-iskema mġedda dwar il-bejgħ tal-passporti. Qed jippretendi wisq għaliex il-PN kien kontra l-bejgħ taċ-ċittadinanza meta kien fil-gvern qabel l-2013, kemm meta Simon Busuttil kien kap tal-oppożizzjoni u anki wara li leħaq Adrian Delia.
Il-prim ministru qed jippretendi li l-PN għandu jagħmel kutrumbajsa politika u li jappoġġja l-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija lil persuni li m’għandhom ebda rabta ma’ pajjiżna biex jużawha għall-iskopijiet ta’ moħħhom. Bosta drabi dawn l-iskopijiet ikunu ta’ natura kriminali jew illeċta. U bosta drabi wkoll jispiċċa mċappas l-isem tajjeb ta’ Malta u tal-Maltin f’għajnejn id-dinja.
Robert Abela jiġi jitmejjel. U jippretendi li l-PN għandu jiġi jaqa’ u jqum ukoll.
Robert Abela jippretendi l-appoġġ ukoll fejn għandha x’taqsam l-immigrazzjoni. Qal li jrid “l-ispirtu tal-għaqda” meta ma wiċċna jkollna l-uċuħ ta’ tfal, nisa u rġiel mejtin bil-ġuħ u bil-għatx li jkunu qed ifittxu l-kenn mill-miżerja, t-tortura, l-iskjavitù u x’aktarx il-mewt huma u jaqsmu l-baħar fuq qxur tal-baħar żgħar li jkunu ħallsu għalihom bil-ġid kollu tagħhom.
Robert Abela jrid ukoll l-appoġġ tal-oppożizzjoni kull meta jordna lil tal-armata jibqgħu lura milli jagħtu l-għajnuna meta d-dgħajjes tal-migranti jibdew jagħmlu l-ilma jew kull meta jsakkarhom f’dgħajjes f’nofs ta’ baħar u jċaħħadhom mid-drittijiet bażiċi tagħhom. Lill-oppożizzjoni jridha tappoġġjah kull meta lil tal-armata tal-Libja jitlobhom jidħlu fl-ibħra territorjali Maltin biex ikaxkru magħhom lura lejn il-kundizzjonijiet inumani u l-iskjavitù li hemm fil-kampijiet ta’ pajjiżhom.
Nittama li Robert Abela jibqa’ b’xiber imnieħer.