Indipendentement mill-fatt jeżistux jew le provi li jorbtu lil Joseph Muscat u lil Keith Schembri mal-pjan li tinqatel Daphne Caruana Galizia, mat-twettiq tad-delitt u mal-attentat biex dawk responsabbli għall-assassinju jaħarbu mill-ġustizzja, l-provi li hemm dwar ir-rabtiet li kellhom Joseph Muscat, Keith Schembri u Yorgen Fenech juru x’mistħija ta’ gvern kellu pajjiżna.

Fil-qorti l-bieraħ il-Pulizija stqarret li Joseph Muscat kien ħoloq  WhatsApp Group bejnu, Keith Schembri u Yorgen Fenech jumejn wara li kienu ġew arrestati l-aħwa Degiorgio u l-kompliċi tagħhom Vince Muscat.

F’dak il-perijodu, l-imġieba ta’ dawn il-persuni ma tistax titqies bħala kumbinazzjoni.

Dan kien iż-żmien li matulu Melvin Theuma kien mar bilġri għand in-nutar biex jagħmel it-testment tiegħu. X’aktarx li meta raġel ta’ 38 sena jġib ruħu b’dan il-mod, ikun għaliex it-tabib tiegħu ikun avżah li m’għandux għomor twil. Melvin Theuma kien ġibed ċerti konklużjonijiet mingħajr il-ħtieġa ta’ parir mediku.

Meta ftit xhur wara, Vince Muscat kixef lil Melvin Theuma mal-Pulizija, dawn intebħu li ż-żjara li dan kien għamel għand in-nutar kien jeħtieġ li tiġi mgħarbla sewwa. Huwa veru li kulħadd huwa fil-libertà li jagħmel testment jekk ikun jidhirlu li għandu jagħmlu. M’hemm xejn illegali f’aġir bħal dan u minnha nnifisha, mġieba bħal din m’hix meqjusa bħala waħda li toħloq is-suspetti. Iżda l-fatt li dan il-bniedem mar jagħmel testment ftit wara li seħħew l-arresti ġiegħel lill-Pulizija tissuspetta li Melvin Theuma kien kompliċi fid-delitt.

Il-messaġġi li bagħtu lil xulxin Muscat, Schembri u Fenech fuq il-WhatsApp group setgħu kienu dwar inbid, nisa, eċċetra. Iżda l-fatt hu li ntbagħtu.

Jeħtieġ niftakru li mill-provi li nstemgħu s’issa rriżulta li Melvin Theuma kien wissa’ lill-aħwa Degiorgio bil-quddiem li dawn kienu ser jiġu arrestati f’dik il-ġurnata tat-Tnejn filgħodu f’Diċembru, sitt ġimgħat biss wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Huwa xehed li l-informazzjoni kien akkwistaha mingħand Yorgen Fenech. U  Melvin Theuma kompla jistqarr li Yorgen Fenech kien qallu li l-informazzjoni kienet waslitlu mingħand Keith Schembri.

Jekk din l-istqarrija hi minnha, Keith Schembri kien diġà jaf li Yorgen Fenech kien imdaħħal fid-delitt meta ħadd ma kien għadu qed jissuspetta fih.

U issa rriżulta li Joseph Muscat, li ammetta li kien ilu ħabib ma’ Yorgen Fenech għal diversi snin qabel l-2017, kien ħoloq WhatsApp chat bejn tlieta f’dik il-ġimgħa stess meta saru l-arresti. Kull min kellu f’moħħu xi suspett dwar l-involviment ta’ Yorgen Fenech fid-delitt ċertament kien ikun mimli bl-ansjetà dakinhar li l-aħwa Degiorgio u Muscat kienu ġew arrestati. U kien ikun irid itaffi din l-ansjetà billi joqgħod b’seba’ għajnejn fuq il-burdata li jkun fiha Yorgen Fenech. Waqt li Yorgen Fenech kien qed jibgħatilhom messaġġi dwar l-avventuri tiegħu fil-kċina jew fil-kamra tas-sodda, għal Joseph Muscat u għal Keith Schembri dan kien sinjal li Yorgen Fenech jinsab trankwill.

Iżda s-sitwazzjoni kienet waħda differenti meta lil Keith Schembri. Yorgen Fenech talbu bil-ħniena biex “ma jħalliħx waħdu”. U dwar dan, Joseph Muscat u Keith Schembri bgħatu messaġġi lil xulxin sa tard bil-lejl.

Dan kollu jwassal biex jikbru s-suspetti.

Il-bieraħ il-Pulizija ma setgħetx tgħid b’ċertezza min kien dak li, fi żmien meta kienu qed isiru protesti kbar fit-toroq u fi żmien l-poplu kien qed jara lill-gvern ta’ Joseph Muscat jiġġarraf quddiem għajnejh, lil Yorgen Fenech bgħatlu kopja tal-proklama presidenzjali li tat l-immunità lil Melvin Theuma.

Ma nafx kif il-provi li nġabru mill-mobile ta’ Yorgen Fenech ma jurux minn fejn kien wasallu l-messaġġ bil-kliem tal-proklama. Iżda anki fin-nuqqas ta’ provi forensiċi, ma tridx wisq għerf biex tintebaħ il-messaġġi mingħand min kienu qed jaslulu.

Kemm seta’ kien hemm persuni li raw il-kliem tal-proklama fil-ħin li din tfasslet u spiċċat f’idejn Yorgen Fenech? Qed nippreżumi li ma kienux il-President ta’ Malta jew l-Avukat Ġenerali li għaddew kopja tal-proklama lil Yorgen Fenech. U l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar jidher li kien aktar moħħu f’Melvin Theuma milli f’Yorgen Fenech. Silvio Valletta kien inqala’ barra mix-xena. L-ispetturi tal-pulizija wrew bil-provi li jinsabu determinati li jaraw lil Yorgen Fenech fil-ħabs u għaldaqstant ma kienux ser igħinuh huma u jħejju ruħħom biex jarrestawh.

Jifdal biss Joseph Muscat u Keith Schembri.

Ma kienitx biss il-kopja tal-proklama l-unika informazzjoni sensittiva li ma messhiex kienet fil-pussess ta’ persuna suspettata bi qtil. Fil-mobile ta’ Yorgen Fenech, il-Pulizija sabet ir-ritratti ta’ dawk li jinsabu mixlija bil-qtil u ta’ kriminali oħrajn b’deskrizzjoni dwar il-ħiliet kriminali speċjali li dawn għandhom.

Din l-informazzjoni xi ħadd għaddieha lil Yorgen Fenech. U Joseph Muscat u Keith Schembri – għalkemm f’termini strettament kriminali huma preżunti bħala persuni innoċenti sakemm ma jiġix pruvat il-kuntrarju – politikament għandhom ma’ wiċċhom provi li li jorbtuhom f’rabta inaċċettabbli ma’ Yorgen Fenech.

Dawn it-tnejn għadhom sal-lum meqjusin bħala eroj mill-Partit Laburista. Robert Abela u l-partit tiegħu baqgħu sal-lum jirrifjutaw li jiddisassoċjaw minn ma’ Joseph Muscat.

Ta’ sikwit igħidulna li l-pajjiż jeħtieġ li jaqleb il-paġna dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Iżda għadhom jirrifjutaw li jaqraw il-paġna li jriduna naqilbu.