Il-Pulizija flimkien mas-servizzi tal-Prosekuzzjoni qed jippruvaw jipperswadu lil qorti li Keith Schembri u sħabu kienu wettqu sensiela ta’ reati kriminali b’rabta mal-iskandlu tal-Allied Newspapers li bis-saħħa tiegħu ffrodaw u serqu lill-Malta Enterprise.
Parti mill-flejjes li ntużaw biex ħallsu għall-makna ġdida tal-istampar tal-Allied Newspapers ittieħdu mill-Kaxxa ta’ Malta. Minn rapport intern tal-Malta Enterprise li ġie preżentat fil-Qorti, rriżulta li bil-għan li jiġi ġustifikat dan l-infiq tal-Malta Enterprise kien jeħtieġ li “jagħlqu għajnejhom it-tnejn u jbenġlu kemm jistgħu”. Tgħid dan jagħmluh ta’ spiss? Dan ċertament għamluh kull darba li tal-Kasco Group kienu jibgħatulhom il-kontijiet biex jitħallsu.
Dawk il-flejjes meħudin mill-Kaxxa ta’ Malta baqgħu sejrin dritt fi bwiet Keith Schembri u mbagħad tqassmu f’kontijiet bankarji li s-sidien tagħhom kienu dawk li huma kompliċi miegħu. Dan kollu seħħ waqt li Keith Schembri kien iċ-chief of staff tal-prim ministru, jiġifieri persuna li, biss b’ħarsa, kellu s-setgħa li jipperswadi lil tal-Malta Enterprise biex “jagħlqu għajnejhom it-tnejn u jbenġlu kemm jistgħu”.
F’hiex ikkonsista s-serq u l-frodi? Il-prezz tat-tagħmir ġie miżjud apposta, li fisser li l-Malta Enterprise wkoll ħarġet aktar flus milli suppost ħarġet biex tissussidja n-negozju. Bi ksur ċar tar-regolamenti, l-ispejjes li tgħabbiet bihom il-Malta Enterprise kienu jinkludu wkoll ħwejjeġ konsumabbli. U l-frodisti raw kif għamlu biex dawn il-ħwejjeġ tpinġew bħala assi fissi biex b’hekk setgħu jerdgħu aktar flus mill-Kaxxa ta’ Malta.
Mela, għaldaqstant, hawn għandna prezzijiet li ġew mgħollijin artifiċjalment u kontijiet imbagħbsa: frodi per eċċellenza.
Iżda, għaġeb tal-għeġubijiet, impjegati tal-Malta Enterprise li ttellgħu biex jagħtu x-xhieda tagħhom fil-qorti, dawn il-frodi u t-tbagħbis ma rawhomx. Lill-Pulizija u lill-Maġistrat inkwirenti rriżultalhom li kien hemm tbagħbis u frodi. Għalija u għalik huwa minn ewl id-dinja li kien hemm frodi u tbagħbis. Iżda l-vittma tal-frodi u tat-tbagħbis – jiġifieri l-Malta Enterprise – minn dan kollu ma rat xejn.
Ma tridx wisq għerf biex tintebaħ x’inhu jseħħ. Il-Malta Enterprise qed titmexxa’ minn persuna nkompetenti bħal Kurt Farrugia li, għal diversi snin, kien wieħed mill-pupazzi ta’ Kastilja mdendel ma’ djul Keith Schembri u Joseph Muscat.
U fost id-diretturi tal-Malta Enterprise li suppost huma fid-dmir li jagħmlu l-għassa ma’ Kurt Farrugia hemm Victor Carachi, wieħed mill-irjus tal-fergħa tal-Partit Laburista li ġġib l-isem General Workers Union. Hemm ukoll Dana Farrugia, li kienet is-segretarja ta’ Chris Cardona. Milli jidher Chris Cardona kien bħal donnu skopra li din il-bniedma għandha xi talenti moħbijin għaliex fi ftit żmien ingħatat promozzjoni wara oħra u bdiet tmexxi l-public-private partnership bejn il-gvern u l-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta, entità li ilna xhur sħaħ ma nisimgħu dwarha. Hemm ukoll Deborah Schembri, bniedma li m’għandha ebda esperjenza fin-negozju – iżda jidher li lil din riedu jaġevolawha b’kariga fil-Malta Enterprise bħala konsolazzjoni għall-fatt li kienet baqgħet l-art fl-elezzjoni li għaddiet.
Dawn huma d-diretturi li jinsabu marbutin bil-liġi biex iħarsu l-interessi tal-Malta Enterprise u biex jaraw li flusha jintefqu bil-għaqal. Skont il-liġi r-responsabbiltà għat-tmexxija tajba tal-Korporazzjoni taqa’ f’idejn il-Bord.
Issa pparagunaw l-imġieba tad-Diretturi tal-Malta Enterprise mal-imġieba tal-bord tad-diretturi ta’ entità vittma oħra: jiġifieri l-Progress Press.
Meta d-diretturi tal-Progress Press intebħu bil-frodi u bit-tbagħbis, bis-saħħa tal-konklużjonijiet ta’ inkjesta li kienet tnediet apposta, dawn ħabbru li kien bi ħsiebhom ifittxu lil Keith Schembri u lil sħabu bil-qorti sabiex jieħdu lura l-flus li kienu serqulhom.
Mill-banda l-oħra, tal-Malta Enterprise għadhom ma qalux jekk humiex bi ħsiebhom jidħlu l-qorti biex jirkupraw lura l-flus li serqulhom l-istess persuni li kienu serqu lil tal-Progress Press.
Tafu għaliex? L-ewwelnett għaliex il-flus nsterqu mill-Kaxxa ta’ Malta – flus li dawn id-diretturi jiġu jaqgħu u jqumu minnhom.
It-tieni, għaliex dawk li qed imexxu lill-Malta Enterprise huma sħab l-allegat moħħ wara dan l-iskandlu u kienu nħatru minnu. Kurt Farrugia jaf ħobżu lil Keith Schembri. U tistgħu tibqgħu ċerti li Kurt Farrugia m’hux ser ifittex lil Keith Schembri għall-flus li l-istess Keith Schembri li jinsab mixli li ffroda u seraq mingħand il-Malta Enterprise. Tistgħu tibqgħu ċerti li ebda wieħed mid-diretturi m’hu ser iġiegħel lil Kurt Farrugia jiċċaqlaq.
Dawn id-diretturi fil-fatt qed jagħmlu agħar minn hekk. Il-mod kif xehdu fil-qorti l-impjegati tal-Malta Enterprise fil-każ li qed isir kontra Keith Schembri, Adrian Hillman u oħrajn juri li dawn ma jridux jikkoperaw mal-prosekuturi u mal-pulizija. L-imġieba tagħhom fil-fatt qed timmina l-każ tal-prosekuzzjoni. U bis-saħħa ta’ din l-imġieba, l-avukati difensuri ta’ Keith Schembri u ta’ sħabu qed ipinġu lill-klijenti tagħhom bħallikieku huma xi vittmi għaliex il-veru vittma – jiġifieri Malta Enterprise – qed tgħid li ma kellhiex fuqhiex tilmenta.
Li kieku int kont is-sid tal-Malta Enterprise u l-impjegat li kien iddeċieda li “jagħlaq għajnejh it-tnejn u jbenġel kemm jista'” fil-każ tal-qorti kontra min serqek, issa qed igħid li ma ra ebda frodi, m’hemmx dubju li s-suspetti f’moħħok ser ikomplu jikbru u ser imorru fuq l-impjegat li jew qed jipprova jgħattilhom jew inkella gawda magħhom.
Hi x’inhi r-raġuni, m’hemmx dubju lil dawn l-impjegati kont iddabbrilhom rashom ‘il barra u kont tara kif tagħmel biex jintraddu lura l-flejjes li nsterqu u li l-pulizija u l-prosekuzzjoni qed isostnu li ttiħdulek bi frodi.
M’intix ser toqgħod tistenna’ sakemm jingħalaq il-każ kriminali fil-qorti u tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tħares l-interessi tiegħek fil-qrati ċivili. Barra minn dan, kont tinvestiga internament biex issir taf kif u għaliex flusek intefqu kif kienu ntefqu. U kont tieħu l-passi kollha meħtieġa biex għall-quddiem la jingħalqu l-għajnejn u lanqas ibenġlu kemm jistgħu fejn jidħol l-infiq ta’ flusek.
Minn dan kollu m’hu qed iseħħ xejn. U ‘l quddiem m’hu ser iseħħ xejn.
M’hemmx dubju li għallinqas kemm il-prosekuturi kif ukoll il-pulizija jidher li qed jaħdmu qatigħ biex issir il-ġustizzja ma’ dawk li bħal Keith Schembri kienu f’konfoffa waħda biex jisirqu minn flus il-poplu. Iżda meta tintebaħ b’dak li qed iseħħ, tasal biex tifhem aħjar li dawn għexu taħt dell ta’ biża’ li sal-lum għadhom taħtu. Għaliex mhux biżżejjed li jaqdu dmirhom kif suppost il-prosekuturi u l-pulizija, u anki saħansitra l-imħallfin u l-maġistrati. L-Istat huwa ħafna akbar.
U fil-Malta Enterprise, Keith Schembri huwa l-Istat.