Il-Ministru Miriam Dalli sejjħet konferenza stampa biex tħabbar il-viżjoni li għandha biex Malta jkollha cable tal-elettriku ta’ taħt il-baħar li jgħaqqadha ma’ Sqallija. Dan m’huwiex proġett li ser jitwettaq matul din il-leġislatura. Għaldaqstant din il-konferenza stampa nistgħu nqisuha bħala waħda li saret mill-Partit Laburista iżda li tħallset mill-gvern. Li kieku ried, il-Partit Laburista seta’ ħabbar dan il-proġett bħala parti minn politika favur it-tqegħid tat-tieni interconnector kemm il-darba jerġa’ jiġi elett. Iżda mhux sewwa li dan il-proġett tħabbar bħala wiegħda tal-Partit u tħallas minn gvern li wasal biex ixolji.
Għaliex il-Partit u l-Gvern huma żewġ entitajiet differenti.
Wara kollox, kif sewwa stqarret l-Oppożizzjoni, ftit xhur ilu l-partit l-ieħor f’Malta kien diġà għamel l-istess wiegħda: jekk il-PN jitla’ fil-gvern, wiegħed li jqiegħed it-tieni interconnector.
Għaldaqstant għandna żewġ partiti politiċi li qed jaqblu fuq xi ħaġa u li issa qed jikkompetu bejniethom dwar min minnhom ħareġ bl-idea l-ewwel.
Madankollu ebda wieħed mill-partiti jidher li għandu xi ħerqa li jfakkarna li t-tqegħid tat-tieni interconnector kien parti mill-istrateġija ta’ Lawrence Gonzi dwar l-enerġija, liema strateġija kienet tnediet meta tfassal il-kuntratt dwar l-estensjoni tal-BWSC u kien inbeda’ x-xogħol għat-tqegħid tal-ewwel interconnector. Dejjem kien hemm il-ħsieb li jitqiegħed it-tieni interconnector għaliex hu minn ewl id-dinja li Malta għandu jkollha aċċess sħiħ għas-sistema tal-enerġija Ewropea biex b’hekk tista’ tkun f’pożizzjoni aħjar li taħtaf l-opportunitajiet kollha li joffri dan is-suq.
Il bużillis hu li dan it-tieni interconnector kien messu ilu li tqiegħed li kieku ma kienx għal Konrad Mizzi u għar-roadmap li kellu jwassal biex jitħaxxinlu butu. Il-fatti huma li t-tqegħid tat-tieni interconnector kien ingħata l-ġenb biex Malta tkun tista’ tixtri l-enerġija bi prezzijiet ħafna aktar għoljin mingħand Paul Apap Bologna, Yorgen Fenech, Joe Gasan u s-sieħba tagħhom mill-Ażerbajġan. U dan biex ma nsemmix it-tixħim li kellhom igawdu minnu Konrad Mizzi u Keith Schembri u forsi xi ħadd ieħor ukoll.
Din ma kienet ebda U-turn minn naħa tal-gvern. Anki li kieku konna nqiegħdu għoxrin interconnector u konna nsibu lil min ibiegħlna l-enerġija bis-sittiet għaliex dan ikun sab mezz kif jibdel l-ilma f’enerġija, xorta waħda ninsabu marbutin li nħallsu lil Paul Apap Bologna, lil Yorgen Fenech u lil Joe Gasan.
Aktar ma jinħolqu opportunitajiet biex nixtru d-dawl mis-sistema Ewropea bi prezzijiet irħas, aktar nintebħu li l-korruzzjoni li nibtet kemm ilu li ħa r-riedni Joseph Muscat qed iġġiegħelna bilfors nixtru l-enerġija mingħand l-Electrogas bi prezzijiet għoljin.
Din l-iskoperta ġdida tal-Partit Laburista ta’ pjan li ilu li tfassal 15 il-sena biex jitqiegħed interconnector ġdid tista’ tagħmel is-sens biss kemm il-darba l-kuntratt tal-Electrogas ma jibqax kif inhu. L-Awditur Ġenerali tana r-raġunijiet tiegħu. Il-kuntratt tal-Electrogas huwa msejjes fuq il-korruzzjoni u għaldaqstant ma jgħoddx.
Il-bieraħ il-poplu Malti ħallas għat-tħabbira li saret minn partit politiku li, kemm il-darba jerġa’ jkun fil-gvern, ser iwettaq dak li kien messu għamel 8 snin ilu, issa li leħqu xxaħħmu kemm felħu.
Dawn mingħalihom li aħna bħaħan. U ġaladarba l-poplu ser jerġa’ jtellagħhom, ma nagħtihomx tort li jaħsbu b’dan il-mod.