Distributur f’Malta ta’ toothpaste speċjali għat-tfal kellu jiskuża ruħu mad-dentisti Maltin wara li Rosianne Cutajar użat il-prodott tagħhom fil-kampanja tagħha tal-Halloween.
F’ritratti li Rosianne Cutajar tellgħet fil-Facebook fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet jidhru boroż li hi qassmet lit-tfal li kienu mimlijin bil-ħelu u b’tubi tat-toothpaste tad-ditta Vitis Junior.
Fil-Facebook Cutajar kitbet li “ma kull borża qassamna wkoll toothpaste b’xejn biex ninkoraġixxu liż-żgħar tagħna jaħslu snienhom speċjalment wara li jieklu l-ħelu.”
Fi stqarrija indirizzata lid-dentisti Maltin, ir-rappreżentant mediku tal- Vitis qal li xtaq iserraħ l-imħuħ tal-professjonisti li “b’ebda mod ma ried jinkoraġixxi l-konsum tal-ħelu u li ċertament ma kienx ħallas l-ispejjeż tax-xiri tagħhom jew ta’ din il-kampanja.”
“Kif jiġri ta’ sikwit,” kompla jgħid ir-rappreżentant, “kienu għamlu kuntatt miegħi persuni minn dipartiment tal-gvern u dawn talbuni nfornihom b’kampjuni biex dawn jitqassmu fost it-tfal tal-iskola. Qatt ma kelli l-iċken intenzjoni li nara lil din il-kwistjoni tiġi politiċizzata jew tkun assoċjata mal-konsum tal-ħelu.”
Minħabba dan l-inċident, ir-rappreżentant skuża ruħu mad-dentisti.
Din l-istqarrija fiha x’tomgħod għaliex Rosianne Cutajar m’għadx għandha f’idejha r-responsabbiltà ta’ xi dipartiment tal-gvern. Jidher li Rosianne Cutajar qarrqet bl-aġent u bellgħethielu li hi kienet qed tappoġġja kampanja edukattiva mmexxija mill-gvern iżda fil-fatt kienet qed tipprova tieħu vantaġġ politiku għall-kampanja personali tagħha bħala kandidat.
Dentist li kellmni dwar l-inċident qalli ma tista’ qatt tippromwovi l-indafa tal-ħalq bit-tqassim tal-ħelu. “Permezz tal-kampanja tagħha Rosianne Cutajar ġabet ruħha bħallikieku kienet qed tforni lin-nies bil-petrol u b’fire extinguisher.”