Kif tista’ ma tlumx lil dawk iż-żgħażagħ li qatgħu qalbhom minn dan il-pajjiż? Li kieku llum xi wħud minnhom segwew il-laqgħa tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, kien ikollhom stampa ċara dwar kif taħdem id-demokrazija tagħna. Tal-mistħija. M’hemmx mod aħjar kif tista’ ssejħilha.

Konrad Mizzi lissen l-istess paniġierku bl-użu ta’ kliem differenti għal xi 50 darba. U kull darba li sab lil min imerih, għamel xenata isterika li – aktar milli hi mġiba tal-psataż jew ta’ min jinsab f’paniku u dahru mal-ħajt – hi indikazzjoni ta’ kundizzjoni li teħtieġ kura medika.

La jien it-tabib tiegħu u lanqas ta’ ħaddieħor u għaldaqstant l-istat mentali tiegħu mhix problema tiegħi u lanqas hi problema li nista’ nsiblu tarfha.

Jien ċittadin ta’ pajjiż li fih huwa kellu sehem kbir fit-tmexxija u li fih qed ikun impossibbli li hu jiġi mġiegħel iwieġeb għal għemilu. Jidher li huwa maqtugħ għalkollox mir-realtà u li qed jemmen il-gideb tiegħu stess. Jidher li s-skiet ta’ tlieta mill-erba’ deputati fuq il-Kumitat membri ta’ dak li kien il-partit tiegħu mhuwiex idejqu. Mhu jdejqu xejn skiet li indirettament ifisser li jaqblu li Konrad Mizzi huwa korrott.

Jgħid li jinħaraq meta jgħajruh korrott. Iżda meta jipprova jiddefendi ruħu, jgħid hemm ħaddieħor ukoll li hu korrott. Semma’ l-istorja tal-Capital One u Beppe Fenech Adami li tal-One TV damu għal bosta snin isemmu. Storja li, wara li ġiet investigata, ma sabux ma’ xiex iqabbdu difrejhom. U ħela ħafna ħin jitkellem dwar il-pixxina li għandu Beppe Fenech Adami. Tgħid din tinsab fil-Panama? Jew fi New Zealand? Le, tinsab f’Ħal Għargħur. Bniedem patetiku għall-aħħar.

Imbagħad semma’ lill-attivisti li baqgħu jinsistu li hu għandu jwieġeb għall-għemil kriminali tiegħu u staqsa għaliex dawn mhumiex ukoll jipprotestaw sabiex jiġu investigati persuni oħra.

L-attivisti ma kinux preżenti fil-kamra. Li kieku kienu preżenti, ibqgħu ċerti li kienu jwieġbu li, ġaladarba huwa jaf b’korruzzjoni li fiha hu mhuwiex imdaħħal, liema korruzzjoni qed tiġi tollerata u moħbija mill-awtoritajiet, ikun imissu jmur jipprotesta magħhom fuq l-għatba tal-kwartieri ġenerali tal-Pulizija.

Iżda nafu li dan il-kliem huwa fieragħ. Konrad Mizzi ilu jirrepeti l-istess affarijiet għal kważi 5 snin. Jekk xejn, ċertament ma nistgħux ngħidu li mhuwiex konsistenti.

Illum ma sar ebda pass ‘il quddiem. Iżda din ma kinix sorpriża. Li kieku ninsabu ngħixu f’pajjiż normali, nkunu nistgħu nserrħu rasna li għallinqas ebda wieħed minn dawk li llum kienu qed isegwu lil Konrad Mizzi kienu ser jemmnu farka mid-diskors li lissen. Imma Malta mhix pajjiż normali.

Dan huwa pajjiż li għal kull wieħed li qed jgħid “Konrad, warrab!”, hawn tnejn oħra li qed jgħidu “Prosit Konrad!”

Sakemm din tibqa’ r-realtà ta’ dan il-pajjiż, il-firda ta’ bejnietna se tibqa’ magħna. X’tagħmel? Taċċetta l-gideb faħxi? Le, grazzi.

Waħda tal-aħħar. Għeżież Maltin u Għawdxin, aħna u nsegwu l-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari, jeħtieġ niftakru li sa hawn biss għandna l-ħila li naslu. Madwar dik il-mejda kien hemm l-aqwa rappreżentanti li nistgħu ntellgħu biex jiddeċiedu għalina kif l-aħjar jintefqu flusna. Hemm Konrad Mizzi. Hemm Glenn Bedingfield jaqbeż għalih. U hemm tliet membri parlamentari oħra tal-PL li jiffurmaw ħajt ta’ skiet bil-għan li ma jippermettux li jsir skrutinju bis-serjetà jew li jittieħdu passi kontra l-korruzzjoni.

Tal-blieħ.