Interpol għadha kif ħassret in-notifiki kollha li jitolbu għall-arrest ta’ Pantelis Varnava, ir-raġel ta’ Maria Efimova, li qed jiġi mfittex mill-awtoritajiet Ċiprijotti dwar l-allegat twettiq ta’ reati kriminali.
Din id-deċiżjoni ttieħdet mill-Interpol wara li tnieda rapport intern mill-awtorità indipendenti tal-aġenzija, mil-liema rapport jirriżulta li l-każ kontra Varnava kien wieħed “prinċipalment politiku” u konsegwenza tal-fatt li martu, Maria Efimova, kienet il-whistle-blower li kixfet lil Joseph Muscat u dwar kif dan kien gawda mir-relazzjoni li kellu mal-Pilatus Bank f’Malta li miegħu kienet taħdem Efimova.
Kummissjoni indipendenti fi ħdan l-Interpol irriżultalha li l-każ kontra Varnava kellu “kuntest politiku ċar”. Sid il-kumpannija Ċiprijotta li kienet ilmentat kontra Varnava huwa membru tal-Parlament Ċiprijott li hu wkoll midħla sewwa tal-President ta’ Ċipru u hi mdaħħla fil-bejgħ tal-passaporti.
Il-biċċa l-kbira tal-ilmenti kontra r-raġel ta’ Maria Efimova kienu dwar l-allegata mġiba tagħha f’Ċipru qabel l-2014 qabel il-wasla tagħha f’Malta.
Il-Kummissjali Indipendenti tal-Interpol qalet li Ċipru ma pprovdiex biżżejjed informazzjoni biex isostni r-raġuni l-għala riedu Pantelis Varnava jintbagħat hemm. Varnava ċaħad li hu qatt kellu relazzjoni professjonali jew ta’ xogħol mal-kumpanniji li kienu lmentaw u li talbu għall-arrest tiegħu. Ta’ min jgħid li l-biċċa l-kbira tal-akkużi li kellu kontra tiegħu kienu dwar depożiti ta’ flus f’kontijiet konġunti mid-dħul li kellha Maria Efimova.
In-notifika tal-Interpol kontra Pantelis Varnava kienet inħarġet wara li l-qrati Griegi ċaħdu talba tal-pulizija Maltija biex martu Maria Efimova tintbagħat lejn Malta biex twieġeb għal akkużi miġjuba kontriha mill-imgħallem tagħha Ali Sadr Hashemi Nejad. Il-qrati Griegi stqarrew li ma setgħux iserrħu moħħhom mis-siġurtà personali ta’ Maria Efimova f’Malta.
Illum jien tkellimt ma’ Maria Efimova u din qaltli li hi u żewġha jinsabu sodisfatti bid-deċiżjoni li ħadet l-Interpol.
Sena ilu, Maria Efimova kienet ġiet mixlija minn qorti Maltija li gidbet waqt inkjesta li kienet ikkonkludiet li l-allegazzjonijiet tagħha mhumiex sostnuti minn provi li fil-Pilatus Bank kien hemm dokumenti li juru li sidt il-kumpannija tal-Panama Egrant li kienu ħolqu Mossack Fonseca u Nexia BT hi mart Joseph Muscat, Michelle.