M’hemmx dubju li Joseph Muscat ser jipprova jbenġilha fuq din ukoll. Il-fatt li huwa naqas li jidher fil-qorti fil-kawża tal-libell li kien għamel kontra Christian Grima u spiċċa biex tilifha jfisser li kien qed jammetti li ma kellux tama kbira li l-qorti kienet ser tagħtih raġun li x-xilja li b’xi mod kellu x’jaqsam mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għamlet ħsara lir-reputazzjoni tiegħu.
Tista’ taqra l-kummenti li kont ktibt dak iż-żmien jew inkella tista’ wkoll issegwi dan li ġej.
Michelle Muscat kienet ġiet intervistata fuq it-televiżjoni u tgħidx kemm kienet tħassret lilha nnifisha għal “dak li ġralha” Daphne, għaliex, taf int, hawn qed nitħaddtu dwar Michelle Muscat.
Fil-Facebook, Christian Grima wieġeb u lil Michelle Muscat qallha li kien żewġha li lil Daphne kien splodiha.
Joseph Muscat irreaġixxa b’rabja u għamel kawża ta’ libell. Skantajt li kien għażel din it-triq. Kif qatt seta’ jiddefendi ruħu wara li bord ta’ inkjesta li hu stess kien ħatar kien diġà kkonkluda li l-Istat kien responsabbli għall-qtil? Mhux hu kien il-prim ministru dak iż-żmien? Jista’ prim ministru qatt jaħrab mir-responsabbiltà li għandu tat-tmexxija ta’ gvern? U dan b’mod partikolari meta l-bord tal-inkjesta kien waħħal fil-kabinett tal-ministri talli dawn ma kellhomx il-kuraġġ li jġiegħluh ikeċċi lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi. Għaldaqstant it-tort ma jista’ jerfgħu ħadd ħliefu.
Il-qorti ma setgħet qatt taċċetta l-argument li ma kienx Joseph Muscat innifsu li qiegħed il-bomba fil-karrozza u li għalhekk kien ġie libellat bir-rimarki li kien kiteb Christian Grima. Lanqas ma kien Yorgen Fenech li qiegħed il-bomba fil-karrozza, iżda xorta waħda dan jinsab mixli bil-qtil. Yorgen Fenech qed jistenna li jgħaddi ġuri u qed jiċħad li huwa ħati.
Joseph Muscat huwa l-protagonista ewlieni tal-imġiba tal-Istat li wasslet għall-ħolqien ta’ ambjent li fih Daphne Caruana Galizia setgħet inqatlet u fil-fatt inqatlet. Dak li kiteb Christian Grima fil-konfront tal-mara ta’ Joseph Muscat ma kienx intenzjonat u għaldaqstant huwa ma jistax jiġi akkużat talli naqas li jkun analiżi forensika tal-ġrajjiet li wasslu għall-qtil ta’ Daphne. Iżda fil-fatt għandhom mis-sewwa u huma korretti. U, wara li impulsivament kien leħaq għamel il-kawża ta’ libell, Joseph Muscat intebaħ li ma jista’ qatt jikkonvinċi lill-qorti li għandha turi nuqqas ta’ qbil ma’ dak il-fatt sempliċi.
U għalkemm għad m’għandu ebda akkużi ma’ wiċċu, is-suspett li huwa mdaħħal kriminalment huwa wieħed raġjonevoli. Dan, Joseph Muscat jiċħdu bil-qawwa.
L-imġiba tiegħu wara li kien seħħ l-assassinju, ir-relazzjoni li kien żamm ma’ Yorgen Fenech wara li kien diġà jaf li dan kien suspettat mill-pulizija, l-indħil ta’ Keith Schembri fil-proċess tal-investigazzjoni, il-mod kif iddeċieda waħdu dwar il-ħruġ ta’ proklami, l-imġiba tiegħu lejliet l-arrest ta’ Yorgen Fenech, l-imġiba tiegħu lejliet l-arrest ta’ Keith Schembri: dawn ilkoll huma ħjiel serji li jiġġustifikaw is-suspett li kien jaf ħafna aktar dwar l-assassinju milli jammetti li kien jaf, ċertament wara li seħħ u forsi anki qabel seħħ.
M’għandniex xi ngħidu, huwa jitqies innoċenti sakemm ma jiġix pruvat mod ieħor. U fl-investigazzjoni tagħha, il-pulizija ddikjarat li ma kinitx qed tfittex aktar kompliċi. Dawn il-fatti nirrikonoxxuhom. Aħfrulna jekk xejn ma jinżlulna.
Għad hemm wisq mistoqsijiet li għadhom mingħajr tweġiba. Mistoqsijiet dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. U dan biex ma nsemmix il-korruzzjoni li din kienet kixfet u li Joseph Muscat kien għamel minn kollox biex jostor. Fatti li komplew jiġġustifikaw is-suspetti.
Il-prim ministru kien hu. Ir-reputazzjoni tiegħu kien hu stess li għamlilha l-ħsara sforz l-imġiba tiegħu, sforz id-deċiżjonijiet li kien ħa, sforz il-gideb li nqabad fihom u sforz it-tweġibiet li naqas li jagħti.
Illum ir-reputazzjoni tiegħu ingħatat daqqa ta’ ħarta oħra. Ma setax jirribatti x-xilja li kien “sploda lil Daphne”. Issa ser iġib mitt skuża talli llum naqas li jattendi. Hi x’inhi l-iskuża, ma jistax jiġġustifika li llum tilef iċ-ċans li jgħid li mhux minnu li kien hu li sploda lil Daphne.
Illum is-suspetti li għandu ma’ wiċċu huma xi ftit aktar ġustifikati milli kienu lbieraħ,