Iż-żmien li eluf ta’ Laburisti jgħidu issa daqshekk, issa żżejjed tfixkil fil-konfront ta’ Gvern leġittimu Laburista wasal. Iż-żmien li l-Laburisti wkoll joħorġu jsemmgħu leħinhom fit-toroq wasal, u wasal sew. Joseph Muscat wieħed minna.

Il-ħassieba u l-intelletwali tal-Partit Laburista qed isejħu lill-Iġħna Maltin (kliem Edward Żammit Lewis) biex joħorġu fit-toroq biex jipprotestaw għaliex xi ħadd qed jippersegwita lill-Kink Joseph. S’issa ħadd għadu ma qal kontra min ser jipprotestaw. Hux kontra l-gvern immexxi mill-Partit Laburista jew xi istituzzjonijiet li skont il-prim ministru Robert Abela qed jaħdmu. Dawn l-istituzzjonijiet jistgħu jkunu jew il-Qorti minn fejn ħarġet l-ordni biex issir it-tfittxija fid-dar ta’ Joseph Muscat jew inkella l-Pulizija li esegwiet l-ordni. Robert Abela attakka lill-pulizija wkoll u avża li “l-istutuzzjonijiet għandhom joqogħdu attenti li jħarsu l-fiduċja li ġew mogħtija mill-Gvern.” Issa jekk dan mhux theddid, jien Ġaħan ieħor.

Imma jridu jipprotestaw. Għax wasal iż-żmien.

Bħalma Toni ‘issa daqshekk’ kien ħareġ in-nies fit-toroq jipprotestaw għax il-petrol għola b’żewġ ċenteżmi fi żmien l-amministrazzjoni ta’ Lawrence Gonzi. Qed jingħad li anki speakers kbar ser ikollhom biex idoqqu d-diska ta’ Freddie Mercury. Iridu jagħmlu wirja ta’ forza għax huma l-maġġoranza, u l-gvern hu leġittimu. U ma ninsewx Joseph għadu wieħed minnhom minkejja li sentejn ilu rriżenja minn prim ministru minħabba l-korruzzjoni tiegħu, tant li kiseb l-unur tal-iktar politiku korrott tas-sena 2019.

Imma jridu jipprotestaw. Għax wasal iż-żmien.

Iridu jipprotestaw ħalli jkunu bħall-marmalja ta’ żmien Duminku Mintoff meta kien hemm grupp ta’ kriminali Żwieten li kienu jiġġerrew mal-pajjiż armati b’kanen tal-ħadid, pistoli u machine guns. Ħadd ma kien jista’ għalihom għax kellhom alla ċkejken fiż-Żejtun, ċertu Wistin Abela. U l-istituzzjonijiet bħall-pulizija minflok irażżnuhom kienu jingħaqdu magħhom biex jitterroriżżaw pajjiż. Imma minkejja kollox, dawn sparixxew u ma dehrux iktar għax il-poplu kien sovran. Dawn sparixxew bħaċ-ċenteżmi u l-milleżmi ta’ żmien is-salvatur.

Imma jridu jipprotestaw. Għax wasal iż-żmien.

Iridu jipprotestaw u jikkupjaw lill-marmalja ta’ Lorry Sant li kif inbidel il-gvern fl-1987 daħlet il-Belt u farrket il-Qorti u ħadet l-okkażjoni biex serqet kulma ġie għal idejha mill-ħwienet ta’ Strada Rjali l-Belt. Għax fi żmien is-salvatur kienu jgħixu qishom papiet.

Imma jridu jipprotestaw. Għax wasal iż-żmien.

Iridu jipprotestaw bħall-aristokrazija tal-ħaddiema tat-tarzna fi żmien Karmenu Mifsud Bonnici li wkoll armati b’ħadid u seratizzi tal-injam farrku u kissru l-Kurja tal-Arċisqof ftit iktar minn 150 metru ‘l bogħod mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. Dakinhar l-istituzzjoni tal-Pulizija ma ħadmitx għax ħadd ma nduna x’kien qed jiġri ftit ‘il bogħod. Dawn ukoll spiċċaw għax il-poplu kien sovran.

Hu mifhum li l-ħassieba qed jistennew lil Joseph jibda jgħajjat u jagħmel l-istorbju biex jagħtu l-ordni. U ninsab ċert li istituzzjonijiet barranin qed jieħdu nota ta’ dan kollu. U l-lista griża għadha hemm, u ser tibqa’ hemm.

Għax l-istituzzjonijiet, skont Robert Abela, jaħdmu. Biss, iridu joqogħdu attenti.