Din li ġejja hi stqarrija maqluba għall-Malti li xandru llum l-għaqdiet non-governattivi favur il-libertà tal-istampa wara li l-gvern ħabbar il-ħolqien ta’ “kumitat ta’ esperti” li għandu jirrakkomanda miżuri biex tissaħħaħ il-libertà tal-istampa f’Malta.

L-għaqdiet tagħna jirreferu għall-aħbar li l-Prim Ministru Robert Abela ħatar Kumitat ta’ Esperti bil-għan li jitwettqu r-rakkomandazzjonijiet tal-Imħallfin tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Imħallfin tal-inkjesta jinkludu l-għarfien legali tal-ġurnaliżmu bħala r-raba’ pilastru ta’ demokrazija u l-ħtieġa tal-ħolqien ta’ ambjent li jippermetti l-ġurnaliżmu ħieles kif ukoll miżuri biex jiġu miġġielda l-impunità, l-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter.

Fil-laqgħat u l-kuntatti li kellna mal-Prim Ministru Abela, l-għaqdiet tagħna saħqu dwar il-ħtieġa li l-Kumitat ta’ Esperti jingħata indipendenza sħiħa biex jiġi żgurat li t-termini ta’ riferenza tal-Kummissjoni jilħqu livelli internazzjonali u li l-kompożizzjoni tal-membri tal-Kummissjoni tkun tirrifletti l-kompetenzi tal-istampa u r-rwol li din tassumi f’demokrazija: l-għarfien u l-esperjenza li huma meħtieġa biex b’mod effettiv jiġi mwettaq l-iskop kollu tar-responsabbiltajiet. Ninsabu mħassba bin-nuqqas ta’ konsultazzjoni trasparenti mas-soċjetà ċivili u ma’ għaqdiet ewlenin li għandhom interess f’dan il-proċess. Lill-Prim Ministru inħeġġuh sabiex jikkonsulta b’mod ġenwin u trasparenti, partikolarment billi jxandar l-abbozzi tal-liġijiet li għandhom x’jaqsmu mal-libertà tal-istampa.

Fil-laqgħa li kellna fil-Belt Valletta f’Ottubru tal-2021 dwar it-twettiq tar-rakkomandazzjonijiet tal-Imħallfin tal-inkjesta pubblika, tlabna lill-Prim Ministru Abela biex iserrħilna rasna li ser joqgħod lura milli jieħu miżuri li jkomplu jirregolaw lill-ġurnaliżmu, li ser jgħaddi liġijiet komprensivi kontra Strategic Lawsuits against Public Participation (SLAPPs), li ser jitjieb l-aċċess għall-informazzjoni, li ser iniedi konsultazzjoni u djalogu kontinwu u trasparenti mas-soċjetà ċivili u mal-għaqdiet tal-ġurnalisti sabiex tinbidel il-kultura dwar kif huma stmati l-ġurnalisti f’Malta – inkluż li tingħata protezzjoni aħjar lill-ġurnalisti sabiex ikunu f’pożizzjoni aħjar li jwettqu xogħolhom fis-sigurtà. Nistennew li l-proċess li biħsiebu jmexxi l-Kumitat ta’ Esperti ser iwettaq dawn l-aspirazzjonijiet.

L-għaqdiet tagħna ser jgħarblu mill-qrib ix-xogħol, il-proċess u r-riżultati tal-ħidma tal-Kumitat ta’ Esperti, liema ħidma għandha tkun ħielsa mill-indħil tal-gvern u marbuta mal-qafas tal-obbligi internazzjonali ta’ Malta dwar id-drittijiet tal-bniedem, partikolarment il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa, partikolarment ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2016)4 dwar il-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u sigurtà tal-ġurnalisti u ta’ ħaddiema oħra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-protezzjoni, is-sigurtà u s-setgħat tal-ġurnalisti.

Għalkemm l-istedina li għamilna lill-Prim Ministru biex jaċċetta l-għajnuna teknika tagħna sal-lum għadha ma ntlaqgħetx, aħna lesti li nibqgħu noffru l-għajnuna tagħna.

ARTIKLU 9

Association of European Journalists (AEJ)

Committee to Protect Journalists (CPJ)

European Centre for Press and Media Freedom (ECPMF)

European Federation of Journalists (EFJ)

IFEX

Index on Censorship

International Press Institute (IPI)

PEN International

Reporters Without Borders (RSF)