Jeżistu premessi li jikxfu l-motivazzjonijiet li ma jkunux intenzjonati. “Min bass?” hija l-mistoqsija li ssir minn min ikun bass. Hekk dejjem jiġri. Ikun bassha min ikun xammha.
Fi kliem ieħor, min jisħaq bil-qawwa li l-mafja ma teżistix x’aktarx ikun dak li jagħmel minn kollox biex ħadd ma jmissha. Biex nikkwota lil Baudelaire: l-ikbar qerq tax-xitan kien meta kkonvinċa d-dinja li ma jeżistix.
Robert Abela baqa’ jirreżisti r-rakkomandazzjoni tal-Imħallfin tal-Inkjesta Daphne Caruana Galizia sabiex fil-liġijiet kriminali Maltin tiddaħħal it-tifsira ta’ xi jfisser “delitt mafjuż” u sabiex jiddaħħlu pieni xierqa kemm-il darba jiġi stabbilit li seħħ delitt minn organizzazzjoni mafjuża. Il-prim ministru ma kkritikax lill-Imħallfin tal-inkjesta talli ħarġu b’din il-proposta li ilha fil-lista ta’ rakkomandazzjonijiet tagħhom sa mis-sajf li għadda. U ilu minn dakinhar, ġimgħa wara ġimgħa, iwiegħed li kien biħsiebu jwettaq ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom. Ftit ġranet ilu, saħansitra stqarr li kien diġà daħħal fis-seħħ bosta mir-rakkomandazzjonijiet tagħhom.
M’għandniex xi ngħidu, m’għamel xejn minn dak li stqarr li għamel. Huwa kien jaf li l-Imħallfin ma kinux ser imeruh pubblikament u għaldaqstant stenna li l-mogħdija taż-żmien u l-elezzjoni ġenerali kienu ser imewtu kull impatt materjali li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jkollhom fuq il-gvern ta’ Joseph Muscat li kieku kienu jeżistu dak iż-żmien. Bla dubju lil Robert Abela kulma jinteressah hu l-gvern tiegħu u li ma jkollux liġijiet li jfixklu lill-kriminali li hemm fi ħdan il-gvern.
L-Oppożizzjoni Parlamentari tilfet il-paċenzja u r-rakkomandazzjonijiet tal-Imħallfin fasslithom f’abbozzi ta’ liġijiet li l-Parlament ser jiddibattihom din il-ġimgħa. Robert Abela qal li l-liġi ta’ kontra l-mafja ser jivvota kontriha u qal li tal-PN iriduha biex lil Malta jkunu jistgħu ilaqqmuha bħala Stat Mafjuż.
Malta ma teħtieġ ebda liġi biex tkun tista’ tissejjaħ Stat Mafjuż. Kulma tkun teħtieġ hu li jkollha prim ministru li pubblikament iżomm ma’ min huwa suspettat ta’ delitti serji tant li l-Pulizija tagħmel tfittxija f’daru biex tikseb provi skont kif titlob il-liġi u jeħodha kontra l-uffiċjali li wettqu t-tfittxija u l-maġistrat li bagħtithom.
Meta l-Istat – saħansitra l-prim ministru – iżomm ma’ min ikun wettaq delitt u jeħodha kontra min qiegħed hemm biex iħares l-liġijiet, l-Istat isir kompliċi f’dak id-delitt. Robert Abela ma jridx idaħħal liġi kontra l-mafja biex ma jkollux għalfejn iwieġeb għal għemilu meta qabeż għall-kriminali. Dan iqisu b’riskju li mhuwiex lest li jieħu.
Il-fatt li għall-pajjiż ir-rimarki li għadda l-prim ministru kienu qishom ma ntqalux – u dan biex ma nsemmix li x’aktarx il-pajjiż ser itella’ lil Robert Abela biex jerġa’ jkun prim ministru għal ħames snin anki wara ġrajja bħal din – huwa indikazzjoni dwar is-serjetà tal-problema tagħna. Jekk naċċettaw jew ninjoraw l-argument li ħareġ bih il-prim ministru nkunu qed nuru biċ-ċar li tassew m’għandniex l-iċken idea dwar x’inhi r-raġuni li għaliha ngħaddu l-liġijiet.
Biex nibdew, ejjew nippruvaw nifhmu fuq xiex qegħdin nitkellmu. L-abbozz tal-liġi tal-PN ittieħed mil-liġi kontra l-mafja li tinsab fil-kodiċi kriminali Taljan. L-Imħallfin tal-inkjesta Daphne kienu għamlu riferenza speċifika għall-artiklu 416 bis tal-kodiċi kriminali Taljan u l-PN daħħalha fl-abbozz ta’ liġi tiegħu.
L-Italja mhix l-uniku pajjiż li għandha liġi bħal din. Bosta pajjiżi għandhom liġijiet bħal din. L-Istati Uniti tal-Amerika għandhom ir-RICO: Racketeer Influenced and Corrupt Organisations Act. Din il-liġi ilha li ddaħħlet mis-snin sebgħin u ntużat biex jinqabdu familji u kapijiet li qatt ma rriferew għalihom infushom bħala mafja u saħansitra għamlu tabirruħom li kienu insultati meta tlaqqmu bħala mafjużi. Imma ma kien jimporta xejn. Hawn mhux qed nitkellmu dwar il-mod kif isejħu lilhom infushom il-kriminali jew x’jemmnu li huma.
Hawn qed nitħaddtu dwar għaqdiet li, permezz tat-tixrid tal-biża’ u tat-theddida, jagħmlu l-flus mir-rebħ illeċtu ta’ kuntratti tal-gvern jew bis-saħħa ta’ monopolji kummerċjali effettivi. Bis-saħħa ta’ dawn il-liġijiet ma jinqabadx biss il-makku (per eżempju, bħall-Koħħu) iżda jinqbdu wkoll il-klieb il-baħar li jkunu qabbduhom, bħall-pulizija, mħallfin u politiċi korrotti jew politiċi kif ukoll dawk li joqogħdu biss gallarija u jdaħħlu l-flus mill-qerq.
Pajjiżi li daħħlu liġijiet bħal dawn mhumiex Stati Mafjużi. Anzi bil-maqlub. Stati Mafjużi huma dawk il-pajjiżi li jippermettu dawn il-ħniżrijiet b’impunità sħiħa. Eżatt bħal pajjiżna.
Anki jekk taħsbu li qed neżaġera u li qiegħed biss noħlom li jeżistu għaqdiet korrotti hawn Malta, din xorta mhix raġuni valida li wieħed jopponi d-dħul ta’ liġijiet bħal dawn.
Wara kollox, konna daħħalna liġi kontra l-ġenoċidju. Daħħalna liġijiet li jikkastigaw lil min ikun ħati ta’ delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità. Kemm x’aktarx taħsbu li dawk il-liġijiet ser jinkisru u jiġu mwettqa? Iżda meta l-Parlament daħħal dawk il-liġijiet li taw tifsira lill-kelma “ġenoċidju” u beda jitqies b’delitt u kien hemm qbil dwar il-piena għal min jiġi misjub ħati tagħha, l-ebda Membru Parlamentari ma oġġezzjona u qal li jekk tiddaħħal liġi kontra l-ġenoċidju ikun ifisser li Malta hi pajjiż li fih seħħ il-ġenoċidju.
Min jirraġuna b’dan il-mod ikun qed jgħid il-ħmerijiet u jqajjem is-suspett li min ma jkunx jaqbel mal-liġi kontra l-ġenoċidju jagħmel dan għaliex ikun irid jaċċerta ruħu li ma jiġix ikkastigat kemm-il darba jkun wettaq dak id-delitt.
Liġi kontra l-mafja ma twellidx mafja. Bl-istess raġunament, liġi kontra l-qtil mhux ser ixxejjen il-qtil. L-ebda qattiel mhu ser joqgħod jaħsibha biex jara dak li ser iwettaq huwiex kontra l-liġi qabel iwettqu. Iżda jekk tibqa’ ma tiddaħħalx liġi kontra l-qtil, meta jinqabad qattiel ma jkunx jista’ jiġi mħarrek u proċessat quddiem qorti.
Dan huwa dak li jrid Robert Abela għall-mafja. Irid li l-Istat Malti jibqa’ dgħajjef fil-konfront tagħha. Huwa jiċħad li l-mafja teżisti. Dan ifisser li qed jgħattilha u li qed iżomm lil dawk li huma onesti u li għadhom jaħdmu fl-istituzzjonijiet tagħna milli jagħmlu użu minn liġi li ilha teżisti f’ħafna pajjiżi demokratiċi (bħal pereżempju l-Italja u l-Istati Uniti).
Robert Abela kien jaf eżatt x’kellu jagħmel. Ma tħadditx mal-Imħallfin tal-inkjesta dwar il-ħtieġa ta’ liġi kontra l-mafja. Kulma għamel kien li injorahom. U issa li tal-Oppożizzjoni fasslu sensiela ta’ abbozzi ta’ liġijiet, il-kwistjoni qalibha f’ballun politiku ieħor. Biex b’hekk ħadd ma joqgħod iħabbel rasu.
Robert Abela wera r-reżistenza tiegħu bis-silenzju tiegħu quddiem ir-rakkomandazzjonijiet tal-Imħallfin tal-inkjesta u bl-oppożizzjoni tiegħu għall-proposti tal-Oppożizzjoni. Kulma qed jagħmel Robert Abela hu li jgħin il-mafja tgħatti xturha. B’hekk huwa sar kompliċi. Li jfisser li dan l-Istat Mafjuż li diġà qatel, jaf jerġa’ joqtol biex jiżgura li x-xmara tal-flus u tal-profitti tibqa’ għaddejja bla xkiel.