Meta tara lil Robert Abela jirsisti kemm jiflaħ biex jidher ħelu fid-dawl tal-elezzjoni ta’ Roberta Metsola, kważi jaqbdek id-daħk li kieku din ma kinitx manuvra tipika ta’ min jaf li jista’ jġibha żewġ lokalment bi strateġija bħal din. Tiskanta kemm hawn boloh f’dan pajjiżna li mingħalihom li Metsola ġiet eletta għaliex hekk ried Robert Abela.
Ma tistax tidher li int irrabjat u mimli mrar waqt ħaddieħor ikun qed jiċċelebra, hux hekk? X’aktarx li Roberta Metsola mhux hekk jidhrilha. Din hi r-raġuni l-għala f’dan pajjiżna ma nitgħallmu qatt.
B’kitbieti, m’jien ser inħassar il-festi ta’ ħadd. B’kitbieti ser infakkar li Roberta Metsola hi mara, hi Nazzjonalista, hi ewroparlamentari Maltija li ilha tikkritika lill-gvern ta’ Joseph Muscat minn meta nkixfu l-Panama Papers u li attendiet velji f’ġieħ Daphne Caruana Galizia. U li minħabba dan kollu, b’ħanġra daqsiex għajruha kemm-il darba u b’mod konsistenti li hi “traditura”.
Min iġib ruħu ta’ traditur kontra pajjiżu u kontra l-interessi ta’ ħaddieħor a skapitu ta’ pajjiżu jfittex li jweġġa’ lill-poplu tiegħu stess bil-għan li jimla’ bwietu.
Aħna ngħixu fi gżira. Eks kolonja. Pajjiż li fih il-kelma “tradiment” għandha tifsira li hi immedjata u waħda li hi minn ewl id-dinja. F’dan il-pajjiż bdilna t-tifsira tal-kelma “Ġakbin” li nlissnuha biex nirreferu għal min jaħdmek u għal min jikkonfoffa mal-għadu.
Dak li kien stqarr li lil Roberta Metsola għandna naħarquha ħajja għax hi traditura ma kien ħass ebda sens ta’ mistħija meta lissen dan il-kliem u kien skanta hekk kif il-pulizija marret tħabbat fuq il-bieb tiegħu. U kien hemm ukoll salt boloh li kienu ċapċpulu bl-approvazzjoni meta semgħu dan il-kliem.
Sal-lum il-partit fil-gvern baqa’ jpinġi lil Roberta Metsola bħala persuna li ħadmet kontra l-interessi ta’ Malta. Għal tal-One TV kienet assumiet ir-rwol tal-għadu mxajtan. Dan l-aħħar jien semmejt dak li ntqal mill-hekk imsejjaħ kumitat tal-esperti dwar il-libertà ġurnalistika li kien irrefera b’mod speċifiku għall-fatt li Roberta Metsola u David Casa jifformaw parti minn delegazzjonijiet parlamentari akkreditati lejn Malta jqajjem ċerti suspetti.
Għaliex, taf int, ewroparlamentari Malti m’għandux juri interess f’pajjiżu meta tiġi assassinata ġurnalista. Għandu jinjora għalkollox il-kuntest li fih seħħ dak l-assassinju u għandu jissielet kontra l-isforzi ta’ ħaddieħor billi jqishom bħala ndħil barrani.
L-ewroparlamentari tal-Labour kienu stqarrew li qed “jaħdmu għal Malta” huma u jiddefendu lil Joseph Muscat kontra l-kumplament tal-membri tal-familja politika Ewropea tagħhom stess u kontra l-bqija tal-membri tal-Parlament Ewropew bl-eċċezzjoni tal-estremisti tal-lemin li jpoġġu fuq is-siġġijiet li fuqhom kien ipoġġi Nigel Farage.
Kienu Roberta Metsola u David Casa li tabilħaqq ħadmu għal Malta. U kienu wasslu l-messaġġ li dan pajjiżna mhuwiex Joseph Muscat.
Miriam Dalli, bit-talent kollu li jingħad li għandha. Alfred Sant, bl-ambigwità intellettwali Wagnerjana tiegħu. Cyrus Engerer, bil-vujtaġni u s-superfiċjalità tiegħu. Josianne Cutajar, bl-anonimità tagħha. Alex Agius Saliba, bl-istupidaġni komika minn tiegħu. Ebda’ wieħed minn dawn ma kellu l-kuraġġ u d-diċenza li jiddistakka ruħu minn ma’ Joseph Muscat. Ilkoll kemm huma qabżu għalih u ħalltu l-lealtà lejn il-pajjiż mal-lealtà fil-konfront ta’ bniedem mafjuż li kien ħakmilhom il-partit u nqeda bih biex jisraq lil pajjiżhom. Jiġifieri lil pajjiżna.
Dawk li lil Malta jafuha biss sforz l-imġiba tal-ewroparlamentari tagħha setgħu qisuna bħallikieku aħna nies mogħnijin b’imħuħ ċkejkna bħal Alex Agius Saliba li moħħna biss biex naraw kif ser indawru lira minn taħt. Setgħu qisuna li aħna poplu ħalliel u mafjuż li moħħu biss biex ibigħ il-passaporti, li jaħsel il-flus maħmuġin u li joqtol il-ġurnalisti.
B’xorti tajba, matul dan iż-żmien kollu, dwar Malta saltnet ukoll impressjoni alternattiva li llum rat id-dawl tax-xemx. Roberta Metsola għamlet riklam tajjeb għal Malta. Hi prova ħajja tal-fatt li l-makakkerija ta’ Joseph Muscat ma timpressjonax lil kulħadd. M’aħniex ilkoll nistennew li niġbru l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda tal-qliegħ mill-kriminalità organizzata.
Hawn min jgħid li poplu jagħżel il-politiċi li jkun ħaqqu u aħna f’Malta ħraqna lilna nfusna kemm-il darba kull meta fdajna lħitna f’idejn Joseph Muscat u f’idejn l-eks avukat tiegħu Robert Abela. Stramba li dawk li għadhom sal-lum jinsistu li jiivvutaw għal Muscat u għal Abela jispiċċaw ukoll b’Roberta Metsola. Dawn ċertament ma ħaqqhomx lil xi ħadd bħal Roberta Metsola.
Iżda issa wasalna s’hawn. Din il-mara normali, razzjonali u mhux mittiefsa mill-korruzzjoni, li tgħidx kemm għajruha li hi traditura, qed tagħmel riklam sabiħ u mistħoqq lil Malta.
Mhux ta’ b’xejn Robert Abela mar jiġri b’kemm għandu saħħa biex jipprova jieħu l-mertu hu. Mhux ta’ b’xejn li lill-ġurnalisti lbieraħ qalilhom li “Roberta Metsola ser taħdem fl-interess nazzjonali”.
Roberta Metsola hi l-personifikazzjoni tal-interess nazzjonali. Mhux bħalu.