Tal-One TV illum xandru aħbar dwar l-eks ministru tal-Labour Leo Brincat li huwa membru tal-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea. Skont it-titlu tar-rapport, Leo Brincat qed iwettaq xogħol “importanti” fl-UE u jsemmi żewġ dokumenti dwar audits li jinsabu fuq l-iskrivanija tiegħu. Dawn id-dokumenti huma mfissra b’mod biex il-qarrej jew is-semmiegħ qajla jkun jista’ jifhem xi ħaġa.

Dwar it-tieni dokument kitbu li: “Inkarigu ieħor huwa dwar il-koperazzjoni transfruntiera biex jiġi vvalutat jekk il-programmi ta’ koperazzjoni bejn il-fruntieri tal-Istrument Ewropew tal-Viċinat kinux effettivi biex isaħħu l-koperazzjoni territorjali tal-fruntieri esterni kollha tal-Unjoni Ewropea.

X’inhi din? Issa erħilha li t-telespettatur medju tal-One TV m’għandux l-iċken idea dwar xi jfisser dan kollu. Iżda jien ngħid li għal tal-One TV huwa importanti li t-telespettatur medju ma jkollux idea dwar dak li jkun qed jingħad.

Għaliex għandkom tkunu tafu li din l-“aħbar” ixxandret sabiex ittaffilhom il-qrusa u dan wara li ħadu ħasda huma u jisimgħu li Robert Abela vvjaġġa sa Strasburgu biex jifraħ lil Roberta Metsola tar-rebħa li għamlet ilbieraħ. Bħallikieku lit-telespettaturi riedu jgħidulhom li “tagħna wkoll bravu ta”.

M’għandix dubju li Leo Brincat qed iwettaq xogħol siewi. Il-ħatra li għandu jafha lil Joseph Muscat li kien innominah għaliha. Sa fejn naf jien, mhuwa jagħmel ħsara lil ħadd. U tal-One TV lil Leo Brincat għollewh fuq l-ispellejn qisu l-vara l-kbira biex b’hekk ħadd ma jispiċċa b’geddum imdendel hu u jara lill-“oħrajn” biss jieħdu l-unuri.

Tistgħu tibqgħu ċerti li tal-One TV lit-telespettaturi tagħhom qatt mhuma ser jgħidulhom li l-elezzjoni ta’ Roberta Metsola seħħet biss bis-saħħa tal-mertu tagħha.