Fil-kampanja elettorali tal-1996, il-PN kien tnebbaħ minn idea tal-Partit Konservattiv Ingliż meta dan kien ipprova jiddemonizza lil Tony Blair u xandar ritratt ta’ parti minn wiċċ Alfred Sant fuq in-naħa t’isfel ta’ kartellun bil-kliem “Ma Tistax Tafdah”.
Dak il-kartellun fetaħ is-siparju tal-ewwel kampanja elettorali negattiva li kienet nibtet xi riperkussjonijiet għall-PN, u forsi anki biegħdet xi votanti li kienu għadhom mhux deċiżi dwar Alfred Sant, li dakinhar kien qed jikkontesta l-ewwel elezzjoni tiegħu bħala mexxej tal-partit. Il-kampanja elettorali tal-PN tal-1996 kienet l-aktar kampanja bix-xinxilli li qatt kien tmexxiet minn partit politiku. Kienet ukoll l-elezzjoni li l-PN kien tilef u għaldaqstant mhux dejjem tista’ tafda fil-benefiċċju tal-esperjenza. Tkun taf fiċ-ċert x’kienu l-effetti ta’ kartellun meta tinnota r-reazzjoni tan-nies fil-konfront tiegħu.
Fit-tieni jum ta’ din il-kampanja elettorali, il-Labour nieda l-ewwel kartellun negattiv tiegħu. B’kuntrast mal-kuluri ċari tal-kartelluni “Malta Flimkien” u “Robert 2020”, ħarġu b’kartellun skur b’ritratt tal-kwartieri ġenerali tal-PN maqsum min-nofs. Il-messaġġ li jridu jwasslu hu li m’hemmx għaqda fil-PN u li rebħa għall-PN iġġib il-firda fil-pajjiż.
Il-ħeffa li biħa nħareġ dan il-kartellun hu xhieda tal-fatt li għal tal-Labour ma kinitx għalkollox sorpriża t-tħabbira fl-ewwel jum tal-kampanja li Clyde Puli, Kristy Debono u Mario Galea ma kinux ser jikkontestaw. M’għandniex xi ngħidu, dan ma nistgħux inkunu nafuh fiċ-ċert. Imma dawn it-tlieta kienu jappoġġjaw mill-kampanja ta’ Adrian Delia, liema kampanja ma kinitx iddardret li tikkoordina l-passi tagħha ma’ dawk tal-Partit Laburista u tal-mezzi tax-xandir tiegħu.
Dan il-filmat isaħħaħ il-messaġġ tal-kartellun.
Kampanja “pożittiva”. pic.twitter.com/9Dkaird4Tl
— BugM (@bugdavem) February 22, 2022
L-argument tal-‘firda’ ma jreġix. Huwa minnu li n-nies jifhmu ‘l-għaqda’ bħala ‘saħħa’, u għaldaqstant il-firda bħala sinjal ta’ dgħjufija. Iżda dan huwa argument li tal-Labour ma tantx jistgħu jiddandnu bih, hux hekk? Għandhom problema f’ħoġorhom li ġġib l-isem “Joseph Muscat”. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, ismu mhux iħalluh jissemma’ f’attivitajiet tal-Partit, bil-figura fantażmatika tiegħu tispikka u l-filmati li qed itella’ online huma inkwetanti u ta’ tfixkil. Fil-Partit Laburista ċertament m’hemmx xi ġenna ta’ mħabba bla qies.
Kif juri l-filmat ta’ hawn fuq, it-tema ewlenija tal-kampanja mhix dwar il-ġlied intern iżda hi l-identifikazzjoni ta’ dawk li ilhom għal xhur u snin sħaħ fil-mira tal-One TV bil-għan li titkebbes il-mibgħeda. Dawn huma ritratti ta’ persuni li dawk li jsegwu One TV kienu ġew ipprogrammati biex jobogħdu. Dawn huma persuni li, mingħajr ma jafu, kienu ġew ipprogrammati biex jobogħdu bla ma jafu eżatt għaliex “Ma Tistax Tafdahom”.
Agħti daqqa t’għajn lejn dan il-kartellun mill-kampanja elettorali Laburista tal-2013. It-tema ma kinitx il-mibgħeda. Anzi kienet l-oppost: il-ħbiberija. Persuni mmarkati biex fuqhom tixtered il-mibgħeda – innotaw li fosthom hemm ukoll Daphne Caruana Galizia, persuna li ma kinitx fil-politika – jidhru biswit Lawrence Gonzi u dan biex tissawwar aktar mibgħeda fil-konfront ta’ dawn il-persuni u lejn mexxej tal-partit li ċertament ma kienx mibgħud daqshom.
Il-kampanja li għadha kemm bdiet (dwar għedewwa aktar milli dwar ħbieb) qed twassal messaġġ simili. Ninsab irritat, iżda m’għandix dritt nissorprendi ruħi, li daħħluni f’dan il-filmat. Jien u Robert Aquilina li jmexxi Repubblika, ilna żmien twil fil-mira tal-mibgħeda tal-Partit Laburista u issa qed ipinġuni bħala mażżra għall-PN.
Tiskantawk jekk ikun hemm min jaqa’ għaliha. Ftit ilu, votant Laburist li lili ma kienx jafni personalment u li ltqajt miegħu ftit ilu, stqarr miegħi – wara li ħadna kikkra kafè flimkien u tħadditna flimkien – li kien sorpriż li jien daqshekk differenti mill-mod kif ipinġuni tal-One TV.
Jekk int tafni biss mill-mod kif ipinġuni f’dak il-filmat, ma nlumekx jekk tibda’ taħseb li jien xi mostru.