Qed nara bosta kummenti online ta’ dawk li qed jassumu jew jistaqsu jekk l-20 sena mnaqqsin mill-piena li kellu jservi Darren Debono t-Topo b’konsegwenza tal-ftehim li ntlaħaq mal-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg jistgħux jerġgħu jitreġġgħu lura fil-piena issa li jidher ċar li huwa mhux biħsiebu jixhed kontra l-kompliċi tiegħu fl-attentat tas-serq tal-HSBC tal-2010.
Mela l-maħfriet li jingħataw ma jkunux marbutin ma’ patt li permezz tiegħu l-mixli jintrabat li jgħid il-verità, il-verità kollha u xejn anqas mill-verità?
Il-maħfriet jingħataw dment li jkun hemm dan il-patt. Iżda din ma kinitx maħfra.
Dan kien ftehim imsejjes fuq sistema li mhix immirata li torbot lill-mixli biex isir xhud tal-prosekuzzjoni. Il-mira ewlenija tagħha hi li tiffranka l-ispejjeż u r-riskji għas-sistema tal-ġustizzja li permezz tagħha l-mixli jkun inċentivat li jammetti l-ħtija tiegħu.
Biex iseħħ ftehim bħal dan, il-mixli jkun irid jammetti l-ħtija tiegħu (għall-akkużi miġjuba kontrih mill-prosekutur). Darren Debono ammetta l-ħtija tiegħu dwar reat inqas sever u waħel 10 snin ħabs minflok it-30 sena ħabs li kien ikollu jeħel li kieku nstab ħati ta’ attentat qtil fuq uffiċjali tal-pulizija, liema akkuża issa twaqqgħet.
Bosta minn dawk li kitbu l-kummenti staqsew x’kienet ir-raġuni li din is-sistema ma tiġix applikata aktar ta’ spiss? X’inhi r-raġuni li l-kriminali li jgawdu minn piena mnaqqsa mbagħad jirrifjutaw li jikkoperaw wara li jseħħ il-ftehim? Għaliex is-soltu, l-avukati li jirrappreżentaw lill-poplu – jiġifieri l-prosekuturi – ma jagħmluhiex tal-boloh.
Qabel jintlaħaq ftehim bħal dan quddiem imħallef, il-prosekuturi jeżiġu li mixli jixhed fil-magħluq bil-ġurament quddiem maġistrat u hemmhekk jgħid il-verità kollha li jkun meħtieġ li jgħid f’ġuri kontra l-kompliċi.
Imbagħad jekk xi ħadd li jkun diġà xehed bil-ġurament fil-magħluq ifettillu jagħmel waħda bħal ma kien għamel Frank Pentangeli meta kien jeħtieġlu jixhed quddiem il-qorti, ikun jaf li f’dak l-istadju ma jkunx jista’ jibdel l-istorja għax imbagħad ikollu jiġi mixli li xehed falz.
Dalgħodu Darren Debono ma tressaqx il-qorti mixli li xehed falz wara li lbieraħ irrifjuta li jixhed. Huwa ġie mixli bħala xhud ostili u, jekk jinstab ħati, l-iktar li jista’ jeħel hi piena ta’ ftit xhur priġunerija miżjuda mal-piena li diġà weħel.
Iżda li kieku ġie mixli b’xhieda falza waqt ġuri dwar attentat ta’ qtil, kien jaffaċċja piena aktar ħarxa. Piena li ċertament kienet tkun waħda li sservi ta’ deterrent u li ġġiegħlu jaħsibha darbtejn qabel jagħmel il-mossa li għamel Darren Debono.
Wara li Darren Debono għamel il-mossa li għamel ilbieraħ, il-prosekuzzjoni naqsu li jippreżentaw dikjarazzjoni ġuramentata li ssir quddiem maġistrat qabel iseħħ il-ftehim. Kif stennejna li ser iseħħ, lil Darren Debono l-prosekuzzjoni naqset li ddendillu l-prova tal-verità quddiem wiċċu u ħallietu jgħaddiha lixxa.
Din il-mossa tista’ biss tfisser waħda minn tliet affarijiet.
Jista’ jkun li, fil-każ ta’ Darren Debono, l-prosekuzzjoni ma mxietx mal-proċedura normali tat-teħid ta’ stqarrija ġuramentata quddiem magistrat. Jekk dan kien żball, jammonta wkoll għal negliġenza kriminali.
Iżda jekk il-prosekuzzjoni segwiet din il-proċedura, għandha f’idejha l-istqarrija bil-ġurament iżda ma wżathiex fil-qorti kontra Darren Debono, fi kliem sempliċi hi ħatja ta’ stupidaġni kriminali.
Jista’ jkun ukoll li f’idejha għandha stqarrija li ma fihiex aktar dettalji minn dawk li lbieraħ Darren Debono wera li huwa lest li jixhed dwarhom. Jiġifieri li jikkonferma li Vince Muscat il-Koħħu kien imdaħħal fl-attentat tas-serq u xejn aktar.
Dan għandu jfisser li, għar-raġunijiet li taf bihom hi biss, l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg naqset li tistaqsi l-mistoqsija sempliċi u inevitabbli li lbieraħ staqsiet il-maġistrat fil-qorti: “min aktar kien imdaħħal fl-attentat tas-serq tal-HSBC?”
It-tielet alternattiva hi dik li tagħmel l-aktar sens minnhom ilkoll. Għaliex Victoria Buttigieg mhux ser tkun trid u ma tkun trid lil ħadd li jistaqsi kull mistoqsija li t-tweġiba tagħha taf tkun “Chris Cardona u Carmelo Abela”.
Fi kliem ieħor, dak li seħħ ilbieraħ huwa delitt kontra l-ġustizzja, kontra dawk il-membri tal-korp tal-pulizija li għaddewha b’waħda u ma ntlaqtux mit-tiri li sparaw fuqhom il-ħallelin li b’xorti tajba mmiraw ħażin, u kontra l-poplu Malti li l-interessi tiegħu suppost għandhom jitħarsu minn Victoria Buttigieg.
Din tgħaffiġa li ma tistax titranġa.