Dawn jogħxew jitnejku bin-nies.
L-ewwel ġabu lil Joe Debono Grech biex jiftaħar bil-korruzzjoni – il-korruzzjoni li titwettaq mill-Partit Laburista li bis-saħħa tagħha wieħed ikun jista’ jakkwista.
Iżda, wara li serraħ rasu li diskors bħal dan niżel għasel ma’ dawk li għamlu karriera jakkwistaw mill-korruzzjoni u li issa għandu bżonn il-vot tagħhom, Robert Abela pprova jitbiegħed mill-istess diskors u lissen il-kliem “jikkundanna” u “aħna nbdilna u diskorsi bħal dawn ma nlissnuhomx”.
Tiskantawx bil-fatt li jeżistu votanti li jivvutaw għal kandidat għar-raġuni li jkunu jafu – u mhux minkejja li jkunu jafu – li huwa bniedem korrott. Mhux kulħadd jivvota skont kif tiddettalu l-kuxjenza u fl-aħjar interess tal-pubbliku. Jekk dan il-fatt int ma tapprezzahx, m’int ser tasal qatt biex tifhem il-perverżjonijiet li jinsab imsallab bihom dan il-pajjiż hekk imsejjaħ demokratiku.
Mela dawn l-ewwel ġabu lil Joe Debono Grech biex joqgħod jiftaħar bil-korruzzjoni. U l-għada, lil Joe Debono Grech ikkundannawh.
Jekk mingħalikom li Joe Debono Grech ma messux tkellem kif tkellem u li dan ma jirrappreżentax lil Robert Abela u lill-Partit Laburista tal-lum, jaqblilkom terġgħu taħsbuha sewwa.
Għaliex imisskon tkunu tafu li Joe Debono Grech jagħmel parti mill-iskwadra li għandu Robert Abela u jsejħulu d-“delegat speċjali” li jmexxi “l-Uffiċċju tad-Delegat Speċjali tal-Prim Ministru” fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
L-indirizz uffiċjali tiegħu huwa dak tal-Berġa ta’ Kastilja. U għandu wkoll @gov.mt email account. Tista’ wkoll taqbad miegħu bit-telefon fl-uffiċċju tal-prim ministru.
Mhux talli Joe Debono Grech ma kienx qed jitkellem f’isem Robert Abela hu u jiftaħar bil-korruzzjoni tal-Labour. Għall-okkażjoni f’Għawdex, kien id-“delegat speċjali” tiegħu.
X’inhi l-logħba li qed jilagħbu?
Il-messaġġi li jibagħtu qed ikunu kontradittorji apposta u dan sabiex is-semmiegħa jkunu jistgħu jagħżlu biss dak li jinżel għasel għal widnejhom. Mod jekk lill-konservazzjonisti u lill-kuntratturi twegħedhom affarijiet li jinżlulhom għasel.
Iżda jkun mod ieħor jekk lil min jammira l-korruzzjoni u lil min ma jaħmilhiex tipprova tistedinhom biex jappoġġjaw lill-istess klikka biex din tkompli tabbuża mis-setgħa.