L-aħwa Ġorġ u Alfred Degiorgio għadhom kemm reġgħu ppreżentaw rikors kostituzzjonali u din id-darba tennew li t-talba li għamlu biex jingħataw maħfra presidenzjali għandha tingħata smigħ xieraq. Din it-talba m’jiniex tant favur li għandha tingħata widen.
Nibdew biex, l-argumenti li ġabu ma jagħmlux sens. M’hemmx dubju li t-talba tal-aħwa Degiorgio għandha tingħata smigħ xieraq. Din hi r-raġuni l-għala ser jgħaddu ġuri fil-pubbliku u ser ikollhom l-opportunità li jressqu l-provi tagħhom. Maħfra presidenzjali mhix parti mill-proċess ġudizzjarju u ħadd m’għandu “dritt” li jingħata maħfra.
Madankollu l-provi li jgħidu li għandhom f’idejhom – u li qed iwiegħdu li jikxfuhom kemm-il darba jingħataw maħfra – jidher li jinsabu qrib ħafna dawk li qed jintalbu li jieħdu d-deċiżjoni. Il-maħfriet ma jingħatawx mill-President jew minn xi imħallef, iżda mill-kabinett tal-ministri.
Kull darba li Robert Abela jsib ruħu b’dahru mal-ħajt, iwiegħed it-trasparenza. Wara li leħaq prim ministru, keċċa lil Chris Cardona li mbagħad warrab għalkollox mill-ħajja pubblika. Wara l-elezzjoni tal-ġimgħa li għaddiet, ħalla barra lil Carmelo Abela mill-kabinett u għad irridu naraw jekk dan huwiex ser jimxi fuq l-istess passi ta’ Chris Cardona u jwarrab mill-politika.
Dawn iż-żewġ eks ministri – wieħed minnhom għadu jokkupa siġġu parlamentari – jinsabu implikati fi tliet delitti kriminali vjolenti li twettqu mill-aħwa Degiorgio u dawn il-qattiela qed iwegħdu li għandhom il-ħila li jixhdu dwar is-sehem li allegatament kellhom dawn il-politiċi.
F’Diċembru 2007 kienet seħħet serqa armata fuq il-fergħa tal-HSBC f’Ħal Balzan u kienu nsterqu madwar €1 miljun. F’Jannar 2010 kien sar attentat fuq vann tas-sigurtà f’Santa Venera li fih kienu qed jitwasslu €2.8 miljun fi flus kontanti. U f’Ġunju 2010 kien seħħ l-attentat tas-serq fiċ-ċentru tal-HSBC f’Ħal Qormi.
L-aħwa Degiorgio qed jixlu lil David Gatt, bniedem li diġà għadda ġuri u ġie liberat f’Jannar 2017 wara li ma nstabx ħati li kellu sehem f’dawn it-tliet serqiet u f’serqa oħra f’Diċembru 2010 minn ħanut tad-deheb f’Ħ’Attard. F’dak il-ġuri, l-aħwa Degiorgio ma kinux xehdu u Gatt ma jistax jerġa’ jitressaq. Iżda l-aħwa Degiorgio qed jallegaw li sieħeb Gatt f’dawn id-delitti ma kien ħadd ħlief Chris Cardona.
L-aħwa Degiorgio qed jallegaw ukoll li Cardona kien il-moħħ u Gatt is-sensar f’kumplott biex tinqatel Daphne Caruana Galizia. It-tnejn qed jiċħdu dawn l-allegazzjonijiet.
Wara li kien tkeċċa mill-korp tal-pulizija, David Gatt ingħaqad mad-ditta legali ta’ Chris Cardona. Chris Cardona kien irrakkomanda lil David Gatt għall-avukatura ftit wara li dan iggradwa bħala avukat. Sal-lum David Gatt baqa’ jipprattika l-professjoni legali fil-qorti kriminali.
L-aħwa Degiorgio qed isemmu wkoll lil Carmelo Abela li, fiż-żmien meta kienu seħħew l-attentati ta’ bejn l-2007 u l-2010, kien jaħdem bħala manager mal-HSBC. Lill-grupp ta’ kriminali kien allegatament ipprovda informazzjoni minn ġewwa biex dawn setgħu iwettqu d-delitti tagħhom, kompriż id-delitt li kien seħħ f’Santa Venera fuq vann tas-sigurtà. Peress li Carmelo Abela kien l-insurance officer tal-bank, huwa kellu f’idejh l-informazzjoni kollha dwar movimenti ta’ flejjes. Carmelo Abela jiċħad li kellu x’jaqsam.
Jeżistu diversi raġunijiet l-għala l-aħwa Degiorgio m’għandhomx jingħataw palata biex jgħadduha lixxa. Iżda waħda minn dawn ir-raġunijiet m’għandhiex tkun dik li jitgħattew xtur uffiċjali għoljin tal-Partit Laburista, eks deputat mexxej tal-partit, żewġ eks ministri u deputat parlamentari.
Biex imexxi d-dikasteru tal-ġustizzja, Robert Abela għadu kemm ħatar bniedem li qed jitpinġa bħala wiċċ ġdid u frisk u li mhuwiex imċappas bil-ħmieġ u l-kallu tal-allegat għemil kriminali ta’ ministri li servew fl-amministrazzjoni ta’ qabel.
Madankollu l-gvern kif qatt jista’ jevita l-akkuża li qed jgħatti xtur il-kriminali li hemm fi ħdanu, meta nafu li l-ministru l-ġdid tal-ġustizzja – Jonathan Attard – kien qrib ħafna ta’ Chris Cardona u saħansitra kien jaħdem fil-ministru tiegħu inqas minn 3 snin wara li allegatament seħħew dawn id-delitti?
Jonathan Attard huwa wiċċ ġdid fil-kabinett iżda ċertament mhuwiex wiċċ ġdid għall-Partit Laburista ta’ Chris Cardona. Sal-elezzjoni tal-2013, kien jidher kuljum fuq il-One TV u baqa’ jidher anki wara li għaddiet dik l-elezzjoni. Iżda kien ukoll ingħaqad mas-segretarjat privat ta’ Chris Cardona meta tal-Labour telgħu fil-gvern. U baqa’ hemm.
Jonathan Attard qatt ma żamm ruħu ‘l bogħod mill-eks imgħallem tiegħu.
Robert Abela kif biħsiebu jiddefendi ruħu mill-akkużi tal-aħwa Degiorgio li huwa ħatar ministru tal-ġustizzja biex proprju jimmina lill-ġustizzja u jkompli jgħatti xtur il-kriminali li jiġbdu l-ispag?