Tal-Lovin Malta kkwotaw dak li ġie rrappurtat li qalet politikanta Laburista meta din sejħet lid-deputat Nazzjonalista Eve Borg Bonello bħala “Jason Azzopardi l-ġdida”. Jidher li fil-ġranet li għaddew u minn dakinhar li Borg Bonello rnexxielha titla’ fil-Parlament, lil Joseph Muscat sejħitlu “kriminal” u dwar Cyrus Engerer fakkret li dan kien ġie misjub ħati talli xandar u xerred ritratti pornografiċi dwar sieħbu.
Talli lissnet dan id-diskors lil Eve Borg Bonello sejħulha “fanatika”, “bete noire” u li hi “Jason Azzopardi” oħra.
Il-president tan-nisa Laburisti Nikita Alamango qalet li “tittama li l-politika tinbidel u li ma nibqgħux ngħajru lin-nies. B’xorti ħażina, l-iżgħar membru parlamentari diġà bdiet tgħajjar lil ħaddieħor”.
L-unika raġuni li jista’ jkollu Joseph Muscat li jieħu għalih meta ġie msejjaħ “kriminal” tinsab fil-fatt li s’issa ħadd għadu ma ressqu l-qorti mixli b’delitt kriminali u ħadd għadu ma sabu ħati. Iżda kriminal jissejjaħ hekk meta jwettaq delitt kriminali u mhux meta jiġi kundannat mill-qorti. Il-preżuzjoni tal-innoċenza hi kwistjoni tal-qorti. Ma tirriflettix fuq ir-realtà u fuq il-fatti.
Hu x’inhu, kundanna mill-qorti jista’ jagħti l-każ li tinsab qrib. U jista’ jkun ukoll li għadha ‘l bogħod. Dak li qalet Eve Borg Bonello huwa msejjes fuq fatti li huma magħrufin biżżejjed. Yorgen Fenech kien għadda rigali lussużi lil Joseph Muscat u dan fi żmien meta l-Pulizija kienu diġà qalulu li Fenech kien taħt suspett li kien hu li kien ordna l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Kien Joseph Muscat li għamel konfoffa ma’ Keith Schembri u ma’ Yorgen Fenech ftit qabel dawn ġew arrestati. Fil-Parlament kien gideb lill-poplu dwar id-dikjarazzjoni tal-ġid ta’ Keith Schembri. Ftit ġranet wara li warrab mill-kariga ta’ prim ministru kien irċieva ħlasijiet mingħand il-kumpannija li fi żmienu kienet ingħatat tliet sptarijiet pubbliċi.
Dawn m’huma xejn ħlief fatti. Min għamel dawn l-affarijiet waqt li kien prim ministru ta’ Malta ma tistax ma ssejjaħlux kriminal.
Cyrus Engerer kien ġie misjub kriminalment ħati mill-qorti u din is-sentenza kienet ġiet konfermata mill-qorti tal-appell. Għaldaqstant m’għandux għalxiex jieħu għalih meta jkun hemm xi ħadd li jfakkru fil-kundanna mill-qorti li kien qala’.
Fil-Facebook, Cyrus Engerer ipprova jagħmel l-arja ma’ Eve Borg Bonello – persuna mingħajr esperjenza politika – u kiteb li “l-politika tgħallmek li għandek titkellem mill-anqas u tagħti widen aktar”. Din il-kwotazzjoni ħadha mill-musical dwar Alexander Hamilton ta’ Lin-Manuel Miranda. Il-kwotazzjoni sħiħa hi: “Tkellem inqas. Tbissem aktar. Qrunek żommhom f’butek”. Dan huwa l-parir politiku li jagħti l-viljakk tal-istorja. Ma setax ta parir aktar xieraq.
Skont Cyrus Engerer, il-politiċi għandhom jitkellmu mill-anqas. Dwaru. Hekk jixtieq, hux hekk? Possibbli li l-politika m’għallmitux li m’għandu qatt ixandar u jxerred pornografija dwar il-boyfriends li kellu biex jivvendika ruħu minnhom?
U li kien għall-politiċi Laburisti, id-deputati tal-Oppożizzjoni għandhom jitkellmu anqas u, meta jitniffsu, għandhom biss ifaħħru lill-gvern bħallikieku “oppożizzjoni” għandha tkun forma oħra ta’ vokazzjoni saċerdotali f’reliġjon li fih l-aptit tal-kriminali li jkunu fil-gvern jew qrib il-gvern ma jintemm qatt.
Hawn hu l-bużillis. Taħt Bernard Grech, il-Partit Nazzjonalista jidher li ddakkar minn narrativa tal-Labour daqs kemm kien iddakkar taħt Adrian Delia. Jidher li taħt il-ħakma tal-Partit Laburista, saħansitra anki politiċi tal-Oppożizzjoni qed iġibu ruħhom bħallikieku l-fehmiet tagħhom għandhom jiġu approvati mill-Partit Laburista bil-quddiem qabel ilissnuhom. Kemm ilu li warrab Simon Busuttil, il-PN tmexxa minn persuni li qed joqogħdu b’ħeġġa għall-ordnijiet li joħroġ il-One TV.
Jason Azzopardi ma kienx joqgħod għal din l-attitudni servili. Tal-Labour, lil Eve Borg Bonello qed jgħidulha biex ma tkunx bħal Jason Azzopardi. Qed jgħidulha biex ma titkellimx kontra l-kriminali tal-politika. Iriduha tkun il-paladin tal-politiċi Laburisti.
Xogħol id-deputati tal-oppożizzjoni huwa dak li jiżguraw li d-deputati tal-gvern li jħokku mal-kriminalità ma jgħadduhiex lixxa billi jippruvaw isoddulhom ħalqhom. Dawk li jisfidaw l-omertà imposta mill-kriminali fuq il-membri tal-gvern għandhom ikunu fuq in-naħa tal-oppożizzjoni fil-Parlament.
Il-fatt li Jason Azzopardi din id-darba ma telax fil-Parlament m’għandhiex tagħmel l-iċken differenza. Kull deputat parlamentari li mhuwiex ministru għandu jimxi fuq l-eżempju ta’ Jason Azzopardi – bniedem li l-ministri ma kinux jarawh ħelu għax kien jikxifhom u kien jurihom li ma jibżax minnhom. Kull deputat parlamentari li mhuwiex ministru huwa fid-dmir li jiżgura li l-kriminali ma jgħadduhiex lixxa jgħaddi kemm jgħaddi żmien u jsiru kemm isiru elezzjonijiet.
F’dan il-kuntest, jista’ l-PN jikkonfermalna li l-uniku kumitat parlamentari li jmexxi hu ser ikompli bis-smigħ tal-iskandlu dwar l-Electrogas?