Għejjun fl-Identity Malta qaluli li, wara l-elezzjoni ġenerali, l-eks Segretarju Parlamentari Alex Muscat tħalla barra mill-kabinett minħabba ċerti irregolaritajiet li kienu qed jitħallew iseħħu f’Identity Malta, li hi l-aġenzija li tmexxi l-bejgħ tal-passaporti.

Jidher li, tard is-sena li għaddiet, stejjer dwar tmexxija ħażina, abbuż mis-sahra u suspetti ta’ tixħim minn klijenti tal-iskema tal-bejgħ tal-passaporti waslu f’widnejn il-Prim Ministru Robert Abela. F’Jannar li għadda, is-CEO ta’ Identity Malta Anton Sevasta tneħħa mill-kariga u floku daħal Mark Mallia, eks deputat kmandant tal-armata.

Alex Muscat ma tantx deher matul il-kampanja elettorali tal-Partit Laburista u dan minkejja d-dehra żagħżugħa li għandu  u t-tiġdid li kien qed jipproġetta l-partit.

Kien fit-28 ta’ Frar li għadda meta Alex Muscat għamel waħda mill-aħħar stqarrijiet tiegħu hu u jiddefendi l-bejgħ ta’ passaporti lil ċittadini Russi u dan minkejja d-dħul tas-sanzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li bis-saħħa tagħhom Malta kienet obbligata li twaqqaf l-iskema. Hekk kif intebaħ li l-Kummissjoni Ewropea riedet twaqqaf il-bejgħ tal-“passaporti tad-deheb” lill-alleati ta’ Vladimir Putin, Alex Muscat wieġeb li “l-kunċett ta’ passaporti tad-deheb ma japplikax għal Malta.”

Madankollu, ħamest ijiem wara, l-gvern ħabbar li kien ser jissospendi l-bejgħ tal-passaporti lil ċittadini Russi peress li, fiċ-ċirkostanzi, ma kienx f’pożizzjoni li jwettaq due diligence kif suppost.

Jekk xejn, din id-deċiżjoni tal-gvern uriet li Alex Muscat, minkejja li teknikament baqa’ responsabbli għall-iskema tal-bejgħ tal-passaporti, ma kienx qed jimxi pass pass mal-prim ministru.

Fl-ewwel ħames snin tal-gvern tal-Labour wara l-2013, Alex Muscat kien serva bħala l-assistent ta’ Keith Schembri. Waqt l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia huwa kkonferma li kien kompla jirċievi servizzi ta’ konsulenza mingħand Nexia BT u dan anki wara li dawn kienu nkixfu li ħolqu strutturi fil-Panama u New Zealand għal dak li kien l-imgħallem tiegħu. Lill-Imħallfin tal-inkjesta qalilhom li kien talab lil Keith Schembri biex jispjega r-raġunijiet wara l-ħolqien ta’ dawn l-istrutturi fil-Panama.

Minn investigazzjonijiet imsejsa fuq dokumenti interni ta’ Henley & Partners li kienu ġew f’idejn id-Daphne Caruana Galizia Foundation irriżulta li Henley kienu semmew lil Alex Muscat bħala “l-kuntatt tagħhom ġewwa Kastilja” li kellu jħaffef il-proċess għax-xerrejja tal-passaporti u jevita l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti. Meta nkixfu d-dokumenti, Alex Muscat ċaħad li kien qed iwettaq xogħol għal Henley & Partners.

Jien tlabt lil kelliem ta’ Robert Abela, Matthew Carbone, biex jikkonfermali jekk it-tħassib dwar irregolaritjiet li seħħew f’Identity Malta kienx wassal biex Alex Muscat tħalla barra mill-kabinett.

S’issa għadu ma weġibnix.