Skont il-kumitat dwar ir-regolamenti tal-proċedura, tal-immunitajiet u tal-affarijiet istituzzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa, Rosianne Cutajar wettqet ksur serju tal-kodiċi tal-kondotta tal-Assemblea Parlamentari dakinhar li, f’diskors li kienet għamlet fl-Assemblea waqt riżoluzzjoni dwar Malta, kienet naqset li tiddikjara li kellha “relazzjoni professjonali” ma’ Yorgen Fenech.
L-interess ta’ Yorgen Fenech f’17 Black u fl-Electrogas kien imsemmi f’memorandum spjegattiv li ġie mehmuż ma’ abbozz ta’ riżoluzzjoni li f’Ġunju 2019 kienet qed tiddiskuti l-Assemblea u li fiha l-awtoritajiet Maltin ġew inħeġġin li jwaqqfu l-impunità li kienu qed igawdu l-kriminali mdaħħlin fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Waqt id-dibattitu, Rosianne Cutajar għamlet l-ewwel u l-uniku diskors fl-Assemblea li tiegħu kienet ilha membru għal bosta snin u oġġezzjonat għar-riżoluzzjoni mingħajr ma ddikjarat li kienet iltaqgħet ma’ Yorgen Fenech u kienet irċeviet ħlasijiet mingħandu wara li ħadmet ta’ sensara fuq bejgħ ta’ proprjetà.
Il-kumitat stqarr li ma setax jikkonkludi b’ċertezza li l-ħlasijiet kienu sarulha sabiex tittkellem bil-mod li tkellmet, iżda l-kodiċi ta’ kondotta jgħid ċar u tond li li anki ħjiel ta’ kunflitt ta’ interess għandu jiġi dikjarat.
Madankollu l-kumitat qal ukoll li Rosianne Cutajar ma tistax tiġi sanzjonata għaliex din kienet irriżenjat mill-Assemblea f’Ottubru li għadda. Din id-deċiżjoni tfisser li mhux ser ikun possibbli għal Rosianne Cutajar li terġa’ lura fl-Assemblea bħala membru.
Kopja tar-rapport sħiħ ssibuha hawn.
Il-membri tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa jinħatru mill-gruppi politiċi li jinsabu fi ħdan il-parlamenti nazzjonali tal-istati membri tal-Kunsill tal-Ewropa. Dan ifisser li Rosianne Cutajar mhux biss kienet membru tal-Assemblea Parlamentari iżda wkoll rappreżentanta tal-Partit Laburista Malti fil-Kunsill tal-Ewropa. Fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet, Rosianne Cutajar kienet għamlet kampanja fis-sens li ma kienet għamlet “xejn ħażin”. Kampanja li issa jidher li ġiet imgiddba mill-kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa
Postha fil-Parlament Malti issa huwa inqas tenibbli milli qatt kien.