Il-gvern ser jagħmel minn kollox biex itaffi s-sinjifikat tad-deċiżjoni tal-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Il-każ jittratta dwar suppliment ta’ 32 paġna li xxandar fil-gazzetta tal-Partit Laburista biex jitfakkru s-sentejn mill-ħatra ta’ Robert Abela u, b’mod indirett, biex tiġi mnedija l-kampanja elettorali tal-Partit Laburista.
B’kollox intefqu €17,000 – somma żgħira meta wieħed jipparagunaha mal-miljuni mberbqin mill-ħbieb tal-ħbieb. Il-gvern ser jgħid li din is-somma hija waħda żgħira u li meta jitqassmu l-voti fid-dekasteri tat-18-il ministru, din ser tkun tfisser bejn wieħed u ieħor €900 għal kull ministeru.
Storja li ma tantx tagħmel ħoss fejn jidħol it-tberbiq ta’ flus il-poplu.
Madankollu din l-istorja hi wkoll waħda ta’ ksur tal-etika. Iżda tant smajna bi stejjer agħar minn hekk li storja bħal din x’aktarx li titħalla għaddejja qisu xejn mhu xejn.
Importanti li niftakru kif seħħ il-ksur tal-etika. Il-ministri m’għandhom qatt jinsew li huma mhumiex biss kandidati politiċi. Huma wkoll uffiċjali tal-istat u jeħtieġ li jiftakru li jekk iħossu l-bżonn li jiftaħru b’rixhom fil-pubbliku, għandu jkollhom id-diċenza jagħmlu dan bi flushom mhux bi flus il-poplu.
Bħal bosta mir-‘regoli ġenerali’ li għandna f’dan il-pajjiż li jittrattaw dwar l-imġiba tal-politiċi, din ir-regola dwar l-infiq ta’ flus il-poplu qed tinkiser ta’ spiss. U Repubblika kienet qatgħetha li tieħu azzjoni wara li feġġ l-ewwel eżempju ċar ta’ din l-imġiba billi rrappurtat lil Carmelo Abela talli dan kien xtara reklami ta’ paġni sħaħ fil-gazzetti. Il-Kummissarju wera l-qbil tiegħu li Carmelo Abela kien kiser il-kodiċi tal-etika, iżda spiċċa biex għaddieha lixxa wara li l-kollegi tiegħu qabżu għalih u stqarrew li fir-regoli m’hemm xejn kontra l-użu ta’ flus il-poplu għal riklamar personali.
Edward Zammit Lewis kien l-avukat ewlieni tad-difiża. Zammit Lewis kien ammetta li l-imġiba ta’ Abela kisret l-etika iżda pprova jbenġilha meta stqarr li ħadd ma jista’ jinstab ħati ta’ ksur ta’ regoli li mhumiex miktuba. Argument fjakk għall-aħħar. Il-kodiċi tal-etika tal-Ministri ma jgħidx li fil-Parlament m’għandhomx isiru atti indiċenti. Iżda ma jfissirx li dawn l-atti jistgħu isiru bil-libertà kollha.
Barra minn hekk, il-Kummissarju George Hyzler kien xandar regolamenti ċari, kien talab lill-ministri u lill-membri parlamentari jgħidu jixtiqux xi bidliet u wara kulħadd deher kuntent. Kien għalhekk li mbagħad stqarr li jistenna li dawk ir-regoli għandhom joqogħdu għalihom.
Waslet l-elezzjoni, dawn ir-regoli ġew injorati u intefqu flejjes pubbliċi għal skopijiet ta’ propaganda partiġġjana. Skont George Hyzler, total ta’ 18-il ministru kisru r-regoli. Iżda semma’ b’mod speċjali lil Edward Zammit Lewis għall-partiġġjaniżmu partikolarment fir-reklam ‘tal-ajkla jew tal-iljun’.
Għalkemm kien hemm ksur tal-etika, l-€1,000 li ntefqu mill-ministeru tal-ġustizzja għal riklam li fih jidher Edward Zammit Lewis jitbissem qisu baħnan u jfaħħar lill-partit politiku tiegħu f’ġurnal tal-istess partit, dan xorta kważi ma jfisser xejn jekk wieħed iħares lejn l-istampa kollha.
Jien intenni li din hija kwiistjoni importanti li tmur lil hinn mill-mandat tal-Kummissarju tal-Istandards u għaldaqstant ma ssemmietx fir-rapport tiegħu, u bilkemm se tissemma’, jekk tissemma’, fid-dibattitu li għandu jsir fil-Kumitat Parlamentari.
Fil-fehma tiegħi, il-ministri għandhom jikkonfermaw ma’ George Hyzler li ma jeżistux regoli dwar kif il-gvern jonfoq flus fuq reklamar. Dawn mhumiex regoli li sta għall-Kummissarju tal-Istandards li jimponihom għaliex dawn huma regoli li m’għandhomx x’jaqsmu mal-imġiba etika. Iżda aktar għandhom x’jaqsmu ma’ żewġ aspetti: l-ewwel hemm l-aspett tal-infiq responsabbli ta’ flus il-poplu, u t-tieni hemm l-aspett tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u l-attenzjoni li għandu jkollu l-istat li jara li l-informazzjoni ma tiġix mgħawġa.
Nibdew bl-infiq responsabbli ta’ flus il-poplu. Naqbel li l-gvern għandu d-dmir li jinforma l-poplu dwar l-attivitajiet tiegħu, u naqbel li biex iseħħ dan ikun jeħtieġ li jintefqu l-flus. Minn daqshekk, għandu jimxi kif jimxi kull min jirreklama fid-dinja tal-kummerċ, jiġifieri għandu jfassal skont id-drapp li jkollu u għandu jonfoq il-flus bl-aktar mod effiċjenti. Meta jkollok €100 x’tonfoq f’reklamar, għandek tfittex li triq li trendi l-aktar. Ir-riklam huwa immirat lejn l-aħjar udjenza? L-għodda magħżula ser jilħqu l-akbar numru ta’ nies?
Min imexxi negozju żgħir ikun jaf juża l-intuwizzjoni biex jiddeċiedi kif l-aħjar jonfoq il-flus. Iżda l-gvern mhuwiex negozju u għaldaqstant għandu jħaddem strutturi u jimxi fuq regoli imparzjali sabiex ikun jista’ jsir awditjar preċiż fuq l-infiq li jkun sar. Il-fatt li ammettew li m’għandhomx regoli jfisser li d-deċiżjoni dwar kif għandhom jintefqu l-flus ma tiddependix fuq l-effiċjenza iżda fuq ħwejjeġ oħra.
Ejjew naraw dawk is-€17,000 li tħallsu lill-KullĦadd biex jiġu ċelebrati s-sentejn glorjużi ta’ Robert Abela. (Ma nlumekx jekk jgħaddilek mill-kuridur ta’ moħħok li qed ngħixu taħt xi monarkija assoluta jew reġim tat-tip ta’ Kim, iżda iva, f’dan l-imbierek pajjiż jitniedu supplimenti ta’ 32 paġna biex ‘niċċelebraw’ is-‘suċċessi’ ta’ prim ministru li ilu jmexxi l-pajjiż għal sentejn).
Lill-qarrejja regolari ta’ KullĦadd m’hemmx għalfejn toqgħod tipprova tikkonvinċihom li Robert Abela huwa stilla u kull ewro li jintefaq biex jitwassal dak il-messaġġ hu wieħed moħli. Kieku l-gvern nefaq dawk is-€17,000 fil-KullĦadd biex iħajjar lill-qarrejja jinkitbu għal xi kors fl-MCAST, jew biex jiftakru li jitlaqqmu flimkien ma’ wliedhom, ma kien ikun ġara’ xejn. Iżda n-nefqa ta’ €17,000 biex lill-qarrejja twasslilhom messaġġ li diġà jafu bih huwa tberbiq ta’ flus.
Dan hu kulma ridt ngħid dwar l-infiq ta’ flus il-poplu b’mod effiċjenti.
Il-kwistjoni hi serja għaliex hi wkoll dwar il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni. Fis-suq lokali, il-gvern Malti huwa l-akbar investitur fir-riklamar. Fejn jonfoq il-flus jgħin jew joqtol il-mezzi tax-xandir konċernati.
Id-diskrezzjoni tal-ministri mingħajr ix-xkiel li jġibu magħhom kriterji dwar kif għandhom jintefqu l-flus fir-riklamar, iħallihom fil-libertà li jippremjaw il-mezzi tax-xandir li jixgħalulhom ix-xemgħat u jfaħħruhom u jikkastigaw lill-mexxi tax-xandir li huma jikkunsidraw bħala ostili. Jistgħu jużaw flusek, il-flus pubbliċi, biex jinfluwenzaw dak li tara jew tisma’ u li jwasslu għall-falliment ta’ mezzi tax-xandir li ma jridukx issegwi.
Għandhom il-mezzi biex jagħżlu liema informazzjoni tista’ tirċievi u li jillimitaw l-informazzjoni li teħtieġ biex tasal għall-konklużjonijiet informati dwarhom, u qed tħallashom biex huma jagħmlulek dik l-għażla.
Ma tantx ser jiddardru jaqilgħu ċ-ċamati talli nefqu €900 għal riklam fuq il-KullĦadd. Mhux se jiddejqu jroddu lura dak l-ammont żgħir għax jafu li xorta għandhom reklamar b’xejn kemm iridu fil-mezzi tax-xandir tal-partit tagħhom. U x’paragun hemm bejn it-telfa ta’ reklam fil-KullĦadd mas-setgħa li għandhom li jużaw flusek biex jinfluwenzawk kif iridu?