Dakinhar li Nadine Lia nħatret bħala maġistrat, bosta kienu dawk li wissew li din kien ser ikollha ħafna okkażjonijiet li fihom ir-rabtiet familjari li għandha jġibuha f’kunflitt mal-indipendenza tagħha jew, tal-anqas, mal-perċezzjoni pubblika tal-indipendenza tagħha.

Din tiġi l-mara ta’ iben Pawlu Lia, li hu l-avukat tal-Partit Laburista u hobża u sikkina ma’ Joseph Muscat. Lil Joseph Muscat jagħtih ukoll pariri dwar kwistjonijiet ta’ natura kriminali u kien akkumpanjah fil-kwartier ġenerali tal-Pulizija meta dawn kienu bagħtu għall-eks prim ministru biex ikellmuh.

Meta Joseph Muscat kien ipprova jxejjen ir-rapport li kienet xandret Daphne Caruana Galizia fis-sens li jeżistu dokumenti f’isem martu miżmumin fil-Pilatus Bank li juru li huma s-sidien ta’ kumpannija tal-Panama li ġġib l-isem Egrant, kien qabbad lil Pawlu Lia biex jassistih. U kien Pawlu Lia li kien kellem lill-Pulizija għan-nom tal-klijent tiegħu Joseph Muscat u li talab it-tnedija ta’ inkjesta. Tista’ tgħid li t-termini ta’ riferenza tal-inkjesta kien fassalhom hu u dan biex jiġi assigurat li l-inkjesta Egrant tidħol fil-mertu ta’ ċerti fatti biss mingħajr ma’ tidħol fil-mertu ta’ fatti oħrajn.

Pawlu Lia ġabha żewġ għaliex l-inkjesta li kien talab hu spiċċat biex illiberat lill-klijent tiegħu Joseph Muscat.

Mill-banda l-oħra, skont ir-riżultat ta’ inkjesta oħra li kienet saret dwar l-operat tal-Pilatus Bank, sid il-Bank u d-diretturi kellhom jiġi mħarrka. Skont il-maġistrat li nieda din l-inkjesta, l-inkjesta Egrant għandha tinfetaħ mill-ġdid bil-għan li tkompli tinkixef il-verità li għadha ma nkixfitx s’issa.

L-inkjesta dwar il-Pilatus Bank ilha fuq l-ixkaffa tiġma’ t-trab għal aktar minn sena. Repubblika, li ma felħitx tistenna aktar li tittieħed azzjoni wara li l-inkjesta kienet ilha li ntemmet, sfidat lill-kummissarju tal-pulizija u għamlet rikors fil-qorti b’talba biex jiġi mġiegħel jagħmel dak li talbu l-maġistrat tal-inkjesta.

Il-maġistrat li normalment tirċievi talbiet bħal dawn hi Nadine Lia, mart it-tifel ta’ Pawlu Lia. Għaliex missier ir-raġel tagħha għandu interess qawwi li jara li t-talba li saret ma tiġix milqugħa, dan ma jfissirx li l-mara ta’ ibnu għandha tbaxxi rasha u toqgħod għal dak li jrid hu. Iżda minħabba r-rabtiet familjari u s-sensittività tal-każ li dwaru jista’ jkun hemm konsegwenzi personali u politiċi kemm għal Joseph Muscat kif ukoll għall-Partit Laburista, Nadine Lia żgur ma tistax tieħu deċiżjoni msejsa fuq is-serenità.

Fl-imgħoddi, dan kollu fehmitu u kienet irrikużat ruħha fil-każ dwar l-impjieg finta li Keith Schembri kien ta lil Melvyn Theuma.

Għaliex il-ġustizzja mhux biss għandha ssir, iżda tidher li qed issir.