Il-qagħda u l-kundizzjoni tal-binja tal-Qorti fir-Rabat t’Għawdex ilu jingħad li mhumiex adegwati. Minħabba l-kundizzjonijiet ta’ umdità u kupazzjoni li hemm f’dan il-bini qadim li jinsab fiċ-Ċittadella, avukati li jaħdmu hemm kienu għamlu strajk.

F’din il-binja antika qatt ma sar xogħol ta’ tiġdid u biex isir xi forma ta’ modernizzazzjoni f’dawk li huma sigurtà kontra l-inċendji u aċċessibilità, ikun jeħtieġ li l-binja tingħalaq għall-pubbliku għal numru ta’ xhur. Biex wieħed ikollu aċċess għall-awli tal-qorti, jkun jeħtieġ li jitla’ diversi tarġiet u l-pjan terren huwa maqsum f’diversi livelli li jagħmel l-aċċess impossibbli għal min għandu problemi ta’ mobilità.

Għal diversi snin jidher li kien hemm qbil ġenerali li din il-problema jkun jista’ jinstab it-tarf tagħha kemm-il darba l-bini tal-qorti ma jibqax fiċ-Ċittadella u jinstab post ieħor. Madwar 20 sena ilu kien tfassal pjan biex jinbena bini ġdid tal-qorti f’Għawdex fis-sit ta’ parkeġġ biswit l-isptar.

Iżda qatt ma sar xejn għaliex ebda gvern ma kellu l-ħila li jalloka l-fondi għal dan il-proġett u l-bini ta’ qorti ġdid tħalla fuq l-ixkaffa.

Skont rapport imxandar fit-Times of Malta, sforz il-pressjoni li qed jagħmlu l-avukati u l-audits dwar is-saħħa u s-sigurtà li ordna l-Maġistrat Joe Mifsud, il-gvern stenbaħ u jrid jidher bħallikieku qed jagħmel xi ħaġa biex isib tarf għall-problema.

U qed jagħmel dan billi jwaħħal fil-ħaddiema billi jkaxkarhom lejn il-qorti biex iżommhom personalment responsabbli talli m’għamlux biżżejjed biex joħolqu sigurtà għal kontra l-inċendji u protokolli dwar l-evakwazzjoni f’bini antik li ċertament fl-imgħoddi ma kienx inbena biex jieħu ħsieb dwan il-ħtiġijiet.

Skont ir-rapport tat-Times of Malta, waħda minn dawk li ser jitħarrku hi d-direttriċi Ġenerali tal-Qorti t’Għawdex, Mary Debono Borg ta’ 59 mill-Fontana. Din tiġi omm id-deputat tal-Oppożizzjoni Alex Borg li fl-elezzjoni li għaddiet li kkontesta għall-ewwel darba tela’ sparat b’6,000 vot fl-ewwel għadd.

Missier Alex Borg – illum mejjet – kien ukoll veteran politiku li għal diversi snin serva bħala kap tas-segretarjat privat tal-eks Ministru Nazzjonalista Giovanna Debono.

Għalkemm huwa minnu li d-Direttriċi Ġenerali tal-Qorti t’Għawdex għandha miżura ta’ responsabbiltà għall-fatt li l-bini tal-qorti jinsab fl-istat li jinsab, għandu jingħad ukoll li kull suġġeriment li din seta’ kellha biex jinstab tarf ta’ din il-problema kien jiddependi mill-allokazzjoni ta’ fondi mill-gvern kif ukoll mill-prioritajiet ta’ deċiżjonijiet politiċi.

Il-pjan għall-bini l-ġdid tal-Qorti f’Għawdex issa ilu snin twal jiġma t-trab fuq l-ixkaffa u ma nistax nifhem kif impjegat tal-gvern jista’ qatt ikun jaħti għal dan il-fatt.

Għalkemm ser titħarrek ukoll impjegata anzjana tal-gvern oħra, wieħed ma jistax jeskludi li l-gvern qed jipprova jwaħħal fis-Sinjura Debono Borg minħabba s-suċċess elettorali li kiseb binha.

Lil Alex Borg jien tlabtu jikkummenta iżda huwa weġibni li għalissa ma xtaq li jgħid xejn.