Espert, ċertament m’jiniex. U wieħed m’għandu qatt iserraħ fuq il-preġudizzji qabel jasal biex jaqta’ sentenza. Dwar il-futbol Malti (u dak barrani) ma nifhimx akka.

Iżda lil Joseph Muscat inzertajt li nafu. Ilni s-snin nikteb dwaru. Segwejt kull pass li għamel – għallinqas dawk il-passi li stajt nara u oħrajn li mingħalih li jien ma kontx rajthom. Issaportejt insegwi d-diskorsi tiegħu bir-retorika, il-mutetti u l-ftaħir tiegħu b’kollox.

Naf ukoll b’affarijiet oħra fuqu li qatt ma ktibt dwarhom għaliex jien wieħed minn dawk li nxandar u nikteb biss dwar dak li nkun arċi-ċert minnu. Dwar Joseph Muscat hemm bosta stejjer li nafu bihom fiċ-ċert u oħrajn li għalissa għadna m’aħniex arċi-ċerti dwarhom.

B’dak li nafu dwaru, kull min jitħajjar iqabbad lil Joseph Muscat biex jitkellem f’ismu jagħmel dan għaliex jew hu aktar korrott minnu jew inkella ma jiddejjaqx li jiċċappas mal-korruzzjoni.

Rapporti fl-istampa jgħidu li l-biċċa l-kbira tal-klabbijiet tal-futbol professjonali jridu lil Joseph Muscat jitkellem għalihom u jirrappreżentahom. B’dak li naf jien fiċ-ċert dwar Joseph Muscat, aħbar bħal din tasal biex tikkonferma l-perċezzjoni superfiċjali tiegħi li l-futbol professjonali f’Malta jinsab mgħarraq fil-korruzzjoni. Diffiċli li wieħed jasal biex jikkonferma preġudizzju aħjar minn hekk.

Għad jasal żmien li matulu l-klabbijiet tal-futbol jisħtu s-siegħa u l-mument li ħadu deċiżjoni bħal din. Għad jasal żmien ukoll meta jkunu bosta dawk li jintebħu li l-interess qawwi li qed juri Joseph Muscat fil-futbol fih aktar x’wieħed jomgħod. Għad jasal żmien li fih il-partitarji tal-klabbijiet lokali jibdew jintebħu li ġew milgħubin sew mill-presidenti li tant jaduraw kif ukoll mill-moħħ li qabbdu biex imexxihom.

Il-futbol huwa sport imfittex mill-ispettaturi. U nistgħu ngħidu wkoll li, sa ċertu punt, jixbaħ it-tħaddim ta’ negozju.

Lil Joseph Muscat nafuh biżżejjed: x’aktarx li l-interess li juri f’xi ħaġa tkun tfisser interess f’xi ħaġa oħra mistura. Bħal, pereżempju, l-imħatri, il-monopolji fit-tħaddim tal-lotteriji, il-ħasil tal-flus maħmuġin u x-xiri tal-players.

M’għandniex xi ngħidu li Joseph Muscat ser jgħid li jien diġà qtajt is-sentenza u ddikjaratu ħati minkejja l-fatt li għadu ma bediex irodd is-salib.

Forsi ser jgħid ukoll li kulħadd jistħoqqlu li jingħata ċans ieħor.

Iżda l-verità hi li, fil-każ tiegħu, huwa għadu s’issa ma ħallasx għal għemilu.