Dan żgur mhux ser jieħu għalih u jħarrikni talli sejjaħtlu (allegat) mafjuż. John Spiteri hu mfittex mill-prosekuturi Taljani b’rabta mat-traffikar tad-drogi min-naħa tal-Ndrangheta. Dawn ħasbu li kien irnexxielhom jonsbuh u li l-proċeduri taħt il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea kienu ser iwasslu biex Spiteri jitqabbad l-ewwel titjira biex b’hekk jgħaddi għal taħt il-kustodja tagħhom.
Iżda sabu ostaklu fil-forma ta’ Victoria Buttigieg.
L-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ssottmetta dokumenti żbaljati li ppermettew lil Spiteri jgħaddiha lixxa u joħroġ liberat. Ġew preżentati dokumenti żbaljati jew għaliex fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali m’hemm ħadd li għandu l-ħila li jaqra l-liġijiet u japplika l-proċedura korretta jew inkella l-qrati tagħna saru bejta tal-protezzjoni tal-mafja. Li jfisser li jekk int imsieħeb mal-mafja, ser tgħaddiha lixxa.
Kemm għad iridu jsiru praspar bħal dawn qabel xi ħadd jassumi r-responsabbiltà?
Kemm għad iridu jinħelsu kriminali qabel titwaqqaf darba għal dejjem din il-kummiedja traġika?