Sebgħa mill-14-il president tal-klabbijiet tal-futbol tal-premier ivvutaw favur il-ħatra tal-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat bħala president tal-għaqda tagħhom. Ir-riżultat tal-vot sigriet wera li nofs il-klabbijiet tal-futbol qablu mal-ħatra ta’ Joseph Muscat.

Wara li llum ittieħed il-vot, Joseph Muscat inħatar president tal-għaqda tal-klabbijiet tal-futbol tal-premier, ħatra li hu aċċetta. Għejun huma tal-fehma li waħda mill-ewwel affarijiet li biħsiebu jwettaq ser tkun dik li jxolji lill-għaqda u minflokha jwaqqaf kumpanija b’responsabbiltà limitata.

Minn dakinhar li ġiet proposta mill-presidenti tal-Hibernians u ta’ Santa Luċija, dwar din il-ħatra qamet kontroversja taħraq.

Ninsab infurmat li ħaddiema li jaħdmu fl-uffiċċju tal-Prim Ministru Robert Abela kellmu lil xi membri li vvutaw illum bil-għan li jipperswaduhom jivvutaw kontra l-ħatra tal-eks Prim Ministru. Dawn l-għejun qaluli li missier Robert Abela, George, li fl-imgħoddi kien il-President tal-MFA fis-snin tmenin u disgħin, ukoll għamel pressjoni biex din il-ħatra ta’ Joseph Muscat ma sseħx. Iżda l-isforzi li saru ma tawx il-frott mixtieq.

Skont għejum mill-MFA, il-mossa li jmiss ta’ Joseph Muscat tista’ tkun li jaħtaf il-presidenza tal-MFA minflok il-president attwali Bjorn Vassallo li fl-2019 kellu l-appoġġ ta’ Joseph Muscat biex inħatar president tal-għaqda.