Ir-ritratt ta’ hawn fuq ma tellajtux biex ngħaddi ż-żmien bix-xandar nazzjonali minħabba żball tipografiku. Dan ma nasalx biex nagħmlu. Aħna lkoll suġġetti għall-iżball. Alla biss jaf kemm nagħmel żbalji jien u nikteb.
Dan ir-ritratt tellajtu għax ma nistax naħseb b’ieħor li hu aktar effettiv dwar aħbar negattiva.
Tat-TVM ma rrappurtaw xejn dwar rapport tal-OSCE dwar il-monitoraġġ tal-elezzjonijiet li ilu jirrakkomanda li għandu jkun hemm aċċess aħjar għaċ-ċittadini fejn jidħol il-proċess elettorali. Rapport li ppropona t-tfassil ta’ regolamenti aktar stretti dwar infiq fil-kampanji elettorali mill-partiti politiċi u mill-politiċi nfushom. Rapport li kkritika l-kundizzjonijiet li jaħdmu fihom il-ġurnalisti Malti u lill-gvern talli kiser kull norma demokratika u għamel użu minn flus il-poplu biex jixtri l-voti.
L-OSCE hi l-Organizzazzjoni dwar is-Sigurtà u Koperazzjoni fl-Ewropa li tħares il-livell ta’ normi demokratiċi tant bażiċi li anki l-Istati Uniti u r-Russja jaqblu dwarhom. Iżda jidher li r-rapport dwar in-nuqqasijiet tad-demokrazija f’Malta mhumiex importanti biżżejjed għal TVM biex ixandru rapport dwarhom.
Tgħid għaliex dak li qed iħasseb lir-rappreżentanti tal-OSCE għandu x’jaqsam direttament mat-TVM?
L-OSCE stqarret li l-fatt li t-tmexxija tal-PBS u l-baġit tiegħu huma kontrollati mill-gvern ma jippermettix lill-kumpanija li tkun imparzjali. Dan is-settur jeħtieġ li jkun riformat sabiex il-PBS “jilħaq livelli internazzjonali ta’ prattika tajba biex l-indipendenza u trasparenza jkunu garantiti.” Iżda li kieku kellu jseħħ dan kollu, l-lagħqa Laburisti li bħalissa qed imexxu l-azjenda jispiċċaw bla xogħol.
L-OSCE qalet li “għandhom jitfasslu liġijiet sabiex tiġi żgurata l-indipendenza editorjali tax-xandar pubbliku u biex min imexxih għandu jiġi magħżul permezz ta’ proċess trasparenti u kompetittiv b’salvagwardji legali għas-sostenibbiltà finanzjarja u awtonomija garantita.” Dan ikun ifisser li Kastilja ma tkunx tista’ tiddetta aktar l-aħbarijiet li jixxandru mill-PBS.
U ħaġa bħal din tkun dagħwa, mhux hekk?
Għaldaqstant dawk li jmexxu l-PBS jippreferu li dawn l-affarijiet int tibqa’ ma tkunx taf bihom.
Veru każ ta’ “Hasta ta’ vista”.