Joseph Muscat kien ilu li beda jispara l-kanuni. Ftit xhur ilu, il-Pulizija kienu għamlu tfittxija f’daru fuq ordni ta’ Maġistrat u dan wara li ġurnal lokali kixef sensiela ta’ ħlasijiet suspettużi li hu kien irċieva mingħand dawk li ngħatawlhom f’idejhom tliet sptarijiet tal-poplu, liema każ kien ġie investigat mill-istess Pulizija. Muscat jaf li x’aktarx wasal iż-żmien li jsiru l-kontijiet miegħu.
Fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż u madwarhom, għad għandu l-ħbieb. Ix-xibka li kien niseġ fuq medda ta’ 7 snin għadha b’saħħitha u għandha l-ħila li tipproteġi lilu u lill-impunità li għadu jgawdi. Dawn mhux biss huma leali lejh – huma wkoll impenjati favurih għaliex, fir-rwoli li kienu tqiegħdu fihom, gawdew miegħu.
Huma għandhom bżonnu daqskemm hu għandu bżonnhom.
Jidher ċar li kull darba li xi ħadd minn tal-qalba ta’ madwaru jduq l-inkwiet, Joseph Muscat jibda jirtogħod. Ir-reazzjoni tiegħu għall-fatt li ser jittella’ l-qorti Frederick Azzopardi, li jiġi r-raġel ta’ kuġintu u li huwa wieħed minn ta’ ġewwa, kixfet it-tħassib serju li għandu.
Forsi @LovinMalta għandha tiċċara li l-kitba ta’ Joseph Muscat fil-Facebook fis-sens “huwa d-difensur taċ-ċittadini kontra l-istituzzjonijiet imqarbin” għandha tinftiehem fid-dawl tal-fatt li Frederick Azzopardi jiġi r-raġel tal-kuġina ta’ Muscat…https://t.co/Z0TyQPvBu1 pic.twitter.com/5Nm1sLzWea
— BugM (@bugdavem) 7 ta’ Awwissu 2022
Frederick Azzopardi mhuwiex ser jiġi mixli b’korruzzjoni jew tixħim. Ser jiġi mixli talli għamel l-arja u li sfida l-liġijiet u lill-awtorità pubblika maħtura biex tinfurzahom.
Fl-2019, bħala kap tat-taqsima tal-bini tat-toroq, kien ordna lill-ħaddiema sabiex jinjoraw l-ordnijiet tal-uffiċjali tal-aġenzija tal-tħaris tal-ambjent li kienu ordnaw il-waqfien tax-xogħol ta’ twessiegħ ta’ triq f’wied protett.
Dak iż-żmien, Frederick Azzopardi kien iddeċieda li fil-pajjiż m’hawn ebda awtorità li tista’ għalih u li xogħlu hu aktar importanti mix-xogħol li jwettqu l-ħaddiema li jħarsu l-ambjent. Tgħid kien Joseph Muscat li ordna lil Frederick Azzopardi biex jinjora lill-aġenzija għat-tħaris tal-ambjent u biex jissokta bix-xogħol u jagħmel li jrid? Min jaf?
Din il-kwistjoni hija riflessjoni taż-żmien li fih Joseph Muscat dam fis-setgħa. Kien żmien it-tirannija tal-ħakma personali. Kien żmien li fih Joseph Muscat għadda romblu minn fuq is-saltna tad-dritt, iddetta r-rieda tiegħu u ġġustifika l-illegalitajiet bil-ġudizzji tiegħu dwar dak li kien pubblikament meħtieġ. Hu u jiddefendi lil Frederick Azzopardi, hekk għamel ilbieraħ. Qed jgħidu li t-twessiegħ tat-triq kien ta’ natura urġenti u li għaldaqstant dak li jipprovdu l-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-widien u tas-siġar ma kienx importanti. Li jgħodd kien dak li ordnaw Joseph Muscat (u Frederick Azzopardi).
Ilbieraħ Joseph Muscat ħadha qatta bla ħabel kontra “l-istituzzjonijiet” li kellhom il-ħila li jieħdu azzjoni kontra l-illegalitajiet li kienu seħħew f’ismu. F’dan il-każ m’hemmx dubju li kien qed jirreferi għall-aġenzija tat-tħaris tal-ambjent li rrappurtat il-każ u għall-Puliizja li investigawh. Kliemu kienu ukoll twissija indiretta lill-uffiċċju tal-prosekutur u lill-maġistrat li ser jisma’ l-każ.
Skont Joseph Muscat, dawn mhuma xejn ħlief ġwejjef għaliex jinsabu mwerwrin minn “dawk l-erba’ tas-soltu” li ta’ sikwit jagħmlu pressjoni fuq l-istituzzjonijiet sabiex jittieħdu passi kontrih u kontra dawk ta’ madwaru. Skont Muscat dawn l-istituzzjonijiet m’għandhomx imissu lilu u lil dawk ta’ madwaru u għandhom joqogħdu b’idejhom fuq żaqqhom.
Għal Joseph Muscat dawn l-uffiċjali u aġenti pubbliċi qed iċedu għall-pressjoni u qed jippersegwitaw lil Frederick Azzopardi biex b’hekk jgħadduha lixxa huma.
Għaldaqstant, skont Joseph Muscat, issa jmiss lilu li jintimidahom. Qalilna li għad għandu l-eluf isegwuh u li lil dawn jinsab lest li jsejħilhom biex b’hekk lill-istituzzjonijiet u lill-uffiċjali tagħhom jurihom xi jsarraf.
Jekk xejn, permezz tal-kitba tiegħu, Joseph Muscat qed juri d-disprezz li għandu għas-saltna tad-dritt. Skontu, min jiflaħ l-aktar għandu jħawwel. Meta jallega li l-istituzzjonijiet qed jiġu intimidati, juri li m’għandu ebda apprezzament għall-valur tad-demokrazija.
Fuq kollox qed juri wkoll li jinsab imwerwer. Frederick Azzopardi m’għadux jaħdem mal-gvern. Qed jaħdem fis-settur privat u ċertament m’għandu ebda aptit għall-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontrih dwar l-imġiba tiegħu. Iżda l-inkwiet ta’ Joseph Muscat m’għandu x’jaqsam xejn mal-inkonvenjent li ser ikollu jġarrab Frederick Azzopardi.
Frederick Azzopardi hu wieħed minn tal-qalba li jaf bil-qoħob kollha. Kien hu li qassam il-miljuni għall-proġetti finanzjati mill-Unjoni Ewropea. U tal-Unjoni Ewropea jinsabu mxenqin biex jaraw li dawn il-miljuni ntefqu fejn kellhom jintefqu, mingħajr tixħim.
M’għandniex xi ngħidu, Joseph Muscat għandu raġun meta jsostni li l-fatt li ser jiġi mixli Frederick Azzopardi ma jfissirx li l-istituzzjonijiet tagħna qed ikunu effettivi biżżejjed biex iqarrbu l-boċċa lejn il-likk. Dan nafuh diġà għaliex hemm ċerti istituzzjonijiet li qed jippruvaw jikkuntentaw lil kulħadd u, fl-istess waqt, qed jagħżqu fl-ilma.
X’jiġri jekk il-prosekuzzjoni f’dan il-każ jirnexxilha tipprova l-każ tagħha u jkun hemm kundanna? Kundanna bħal din ma tasalx biss biex turi l-arroganza u l-imġiba illegali ta’ uffiċjal tal-gvern li għadda romblu fuq is-saltna tad-dritt.
Tasal biex turi wkoll li Joseph Muscat m’għadx għandu l-ħila li jiggarantixxi l-impunità għal sħabu u għall-kompliċi tiegħu, kemm dawk tal-lum kif ukoll dawk tal-imgħoddi. Tasal biex turi li Joseph Muscat mhuwiex infallibbli u sservi ta’ twissija lill-bażużli tiegħu, li jafu bil-qoħob tiegħu, li ser ikollhom ifittxu ħajt ta’ kenn ieħor biex isalvaw il-ġilda tagħhom.
U għaldaqstant il-kwistjoni ma tibqax dwar it-twettiq tal-liġijiet ambjentali anki fil-konfront tal-aġenziji tal-gvern li jwessgħu t-toroq. Issir waħda dwar id-delitti kriminali li wettqu dawk li jkunu tkaxkru lejn l-iżbarra tal-qorti.
Din hi r-raġuni għala Joseph Muscat qed ittih rasu.