Tfaċċa l-propagandist, il-bażużlu u l-kelliem ta’ Joseph Muscat, Manwel Cuschieri biex jitkellem dwar “l-erbgħa tas-soltu” li jagħmlu l-pressjoni fuq l-istituzzjonijiet.

Tella’ ritratt tal-president ta’ Repubblika Robert Aquilina bil-għan li jrewwaħ il-mibgħeda kontra tiegħu, biex isejjaħ lin-nies biex tinġabar u biex għada filgħodu jintimida lill-qrati.

Manwel Cuschieri bħal donnu ried jagħti x’jifhem li Frederick Azzopardi ser jittella’ l-qorti fuq inizjattiva ta’ Repubblika.

Repubblika ma kellha x’taqsam xejn ma’ dan il-każ. B’xorti tajba b’mod partikolari fejn għandu x’jaqsam il-ħarsien tal-ambjent, fil-pajjiż għad hawn bosta attivisti tas-soċjetà ċivili li għandhom kuxjenza, li l-liġijiet ambjentali jafuhom sewwa u li kienu sfidaw lill-awtoritajiet kull darba li kienu jxommu l-periklu għall-ħarsien ambjentali tal-widien.

Frederick Azzopardi ser jiġi mixli minħabba azzjoni li kien ħa Arnold Cassola li, b’kuntrast għal Robert Aquilina, jikkontesta l-elezzjonijiet. Kien hemm drabi li għal ħarira ma telax, iżda l-aktar minħabba l-kultura u s-sistema politika li hawn fil-pajjiż, qatt ma rnexxielu li jiġi elett.

Madankollu wieħed ma jistax jiċħad li Arnold Cassola ta ħajtu għall-attiviżmu u għandu jiġi rikonoxxut bħala attivist tas-soċjetà ċivili. Kemm hu kif ukoll Robert Aquilina, kif ukoll għaqdiet bħal Moviment Graffitti, Repubblika u tant oħrajn, mhuma jippretendu l-“grazzi” ta’ ħadd għall-isforzi li jagħmlu. Dawn mhumiex imħallsin mill-Istat. M’għandhom ebda setgħa jew awtorità. Xogħolhom ma jrendix flus.

F’dan il-każ, il-protesta li saret mal-istituzzjonijiet kienet dwar il-protezzjoni ta’ tliet siġar tal-ħarrub antiki li la jħallsu u lanqas jivvutaw. U din il-protesta li saret sabiex uffiċjali tal-gvern ma jitħallewx jabbużaw mis-setgħat tagħhom, qed issir f’isem nazzjon li juri li jiġi jaqa’ u jqum mill-fatt li impjegati tal-gvern qed jeqirdu l-widien b’impunità sħiħa.

Wara li lbieraħ tkellem Joseph Muscat, beda l-isparar ta’ Manwel Cuschieri, ta’ Jason Micallef u ta’ oħrajn li, fuq il-mezzi soċjali, qed jobżqu l-ħdura u l-mibgħeda tagħhom kontra l-attivisti tas-soċjetà ċivili li ażżardaw jipprotestaw kontra l-illegalitajiet ta’ Joseph Muscat.

L-intimidazzjoni hi l-ordni tal-ġurnata. L-attivisti ser jgħidu li mhux ser jibżgħu u li xejn mhu ser iżommhom milli jaqdu dmirhom u jiddefendu d-drittijiet tagħhom imħarsa mill-Kostituzzjoni.

Madankollu hemm ċertu periklu għaliex dawk qed jisfidaw ġurdien feroċi li jinsab dahru mal-ħajt.

Dan il-ġurdien feroċi – jew aħjar – din il-ġgajta ta’ ġrieden feroċi, qed nisfidawha aħna lkoll.