Id-deċiżjoni tal-Junior College li jippermettu lill-istudenti li jtemmu l-kors ta’ studji tagħhom f’livell avvanzat fuq medda ta’ erba’ snin minflok sentejn u dan sabiex ikunu jistgħu jaqilgħu x’jieklu għall-familji li jiddependu minnhom, hi ġusta.
Hawn familji li mhumiex ilaħħqu u li l-pożizzjoni finanzjarja tagħhom ma tippermettilhomx li jħallu lil uliedhom ta’ 16-il sena jattendu l-iskola fuq bażi full time. Tajjeb li niftakru li t-tagħlim huwa b’xejn, it-trasport lejn u mill-iskejjel huwa b’xejn, l-użu tal-libreriji u tat-tagħmir ieħor huwa b’xejn u l-eżamijiet u ċ-ċertifikati huma b’xejn. Għalkemm il-kotba u materjal ieħor għat-tagħlim mhumiex b’xejn, parti mill-ħlas għalihom jinqata’ mill-istipendju li jitħallas lill-istudenti kollha.
Għalkemm l-istudenti tas-Sixth Form ma jitħallsux paga daqs dik li jaqilgħu li kieku kienu jaħdmu, għandhom l-opportunità li jaslu sal-università mingħajr ma joqogħdu jiddejnu.
Hekk kif wieħed jirrifletti xi ftit, għandu wkoll jintebaħ li r-raġuni li ċerti familji ma jippermettux lil uliedhom ta’ 16-il sena jistudjaw fuq bażi full time hi li dawn ikunu msallbin finanzjarjament.
Ma nafx jekk id-diriġenti tal-Junior College flewx din il-problema jew le u jekk fehmux x’wassal għal din il-problema. Dawn jidher li ġibdu l-konklużjoni li fost dawk li jkollhom jagħżlu bejn l-istudju fuq bażi full-time jew impjieg li għalih il-kwalifiki ta’ skola sekondarja jkunu biżżejjed, hemm numru minn dawn li għalkemm għandhom kwalifiki biżżejjed biex isegwu kors fil-Junior College, xorta waħda qed jagħżlu li jaħdmu flok ikomplu bl-istudji tagħhom.
Skont rapport li xxandar fit-Times of Malta tal-lum, din id-deċiżjoni ttieħdet biex titnaqqas it-tbatija ekonomika. Jeżistu familji f’Malta li jiddependu mid-dħul ta’ wlied li, għax ikunu għalqu s-16-il sena, it-tkomplija tal-istudji ma tkunx baqgħetx obbligatorja. Ħamsin sena ilu, familji kienu jibżgħu li jbatu l-ġuħ kemm-il darba kienu jonqsu li jibagħtu lil uliedhom ta’ 12-il sena biex jaħilbulhom il-mogħoż.
Riċerka profonda għandha tikxef raġuni oħra għala tfal ta’ 16-il sena mhumiex qed jagħżlu li jkomplu jistudjaw fid-dinja tal-lum. Aħjar aktar flus milli inqas: għadhom jeżistu familji li lill-edukazzjoni ma jagħtuhiex biżżejjed valur li tiġġustifika skola full time għal żmien li jmur lil hinn mill-perijodu obbligatorju li matulu wieħed jista’ jeħel xi multa jekk lil uliedu jonqos li jibgħathom l-iskola. Għad hawn bosta familji li jidhrilhom familji li l-edukazzjoni terzjarja hi biss ħela ta’ żmien u li jkun aktar jaqbel jekk uliedhom jimpjegaw ruħhom jew jaħdmu fin-negozju tal-familja.
Jekk dan tassew huwa l-każ, jidher hawn differenzi bejn is-sentiment li jħossu studenti ta’ 16-il sena fil-konfront tal-istudju u s-sentiment li jħossu l-ġenituri tagħhom. Iż-żgħażagħ jaf ikunu jridu jkomplu jistudjaw imma jkunu jistgħu jagħmlu dan biss jekk isibu mod kif jikkombinaw l-istudju mad-dħul ta’ paga.
M’għandniex xi ngħidu, il-ħlas tal-stipendju jġib miegħu ċerti problemi. Mhuwiex mod effiċjenti li bih wieħed jista’ jinvesti fl-edukazzjoni għaliex bosta huma dawk li parti jaħluh f’affarijiet li qajla jgħinu lill-istudenti fl-istudji tagħhom. Madankollu huwa attentat biex ittaffi xi ftit mill-problemi li jnaffru li xi studenti milli jkomplu bl-istudji tagħhom: diffikultajiet finanzjarji tal-famiji tagħhom jew differenzi fil-valuri taż-żgħażagħ u tal-ġenituri tagħhom.
Il-valur tal-istipendju tant naqas li ma tantx twassal bih. Iżda fil-bidunett, meta kien jiswa aktar, l-istipendu kien ta liż-żgħażagħ livell ta’ awtonomija finanzjarja u kien biżżejjed biex aktar familji jkunu f’pożizzjoni li jippermettu lil uliedhom biex ikomplu jistudjaw. Kien biżżejjed biex jippermettilhom jagħmlu l-kapriċċ, kif kienu jarawh xi familji, li jkomplu jistudjaw.
Grazzi għall-istipendju, in-numru ta’ studenti li jattendu l-Università sploda ‘l fuq iżda xorta bqajna lura fir-rata ta’ żgħażagħ li jkomplu jistudjaw wara li jagħlqu s-16-il sena. Għad hawn wisq studenti li ma jkomplux bit-tagħlim malli dan ma jibqax obbligatorju.
Il-Junior College qed toffri lill-istudenti għodda li jista’ jwassal biex titnaqqsilhom il-pressjoni li wħud minnhom iħossu biex ma jkomplux jitgħallmu. Madankollu din is-sitwazzjoni mhix issib tarf tal-problema.
Jidhirli li jkun aħjar li kieku kellna ngħollu l-età tal-iskola obbligatorja sat-18-il sena biex b’hekk nagħtu sentejn aktar ta’ studju, ta’ tagħlim vokazzjonali u ta’ apprendistat strutturat.
Ma nistax nifhem kif u għaliex għadna noħorġu bl-iskużi tas-seklu l-ieħor biex niġġustifikaw il-fatt li żgħażagħ ta’ 16, 17, 18-il sena mhumiex ikomplu bl-istudji tagħhom fuq bażi full time. Mhux xieraq li t-tbatija ekonomika ta’ ċertu familji nippruvaw insibu tarfha billi nġiegħlu lil uliedhom ta’ 17-il sena ma jkomplux bl-istudji fuq bażi full time u dan bil-għan li jaqilgħu l-flus biex jgħinu l-ġenituri u lil ħuthom biex ilaħħqu mal-ispejjeż sal-aħħar tax-xahar.
Il-verità hi li sa għoxrin sena ilu, il-pajjiż kellu biżżejjed flus biex jiżgura li dan ma jiġrix. Meta l-gvern Laburista tal-1997 ried ineħħi l-ħlas tal-istipendji u jissostitwihom ma’ self ta’ flus għall-istudenti, kienu qabbdu lil tal-One TV (Super One dak iż-żmien) biex jiġbed filmat ta’ studenti libsin nuċċalijiet tax-xemx tad-ditta jew b’mobiles f’idejhom u dan biex jippruvaw ibellgħuha li l-istipendji kienu biss ħela ta’ flus u li għalhekk il-gvern kellu raġun li jneħħihom.
Jista’ jkun li l-istudenti li setgħu jixtru nuċċalijiet tax-xemx tad-ditta kienu se jkomplu jistudjaw xorta waħda, bl-istipendji jew mingħajrhom, għar-raġuni li l-ġenituri tagħhom kienu komdi biżżejjed jew kienu jemmnu fil-valur tal-istudju u li, akkost ta’ kollox, ma kinux ser iħalluhom jieqfu mill-istudji tagħhom.
Ċertament kien hemm oħrajn li n-nuċċalijiet tax-xemx tad-ditta jew il-mobiles (li kienu għadhom oġġett rari fl-1997) lanqas biss kienu joħolmu bihom iżda setgħu biss ikomplu jistudjaw bis-saħħa tal-fatt li l-istat kien qed jipprovdilhom dak is-sussidju.
Dak iż-żmien, l-istat kellu l-flus, u issa qed ikollna naċċettaw ir-realtà li se jkollna nbiddlu r-regolamenti biex lit-tfal ta’ 16-il sena nippermettulhom joħorġu jaħdmu għax inkella ser ikollhom jieqfu jistudjaw għal kollox.
Napprezza li l-ekonomiji jafu jimxu ‘l quddiem u jafu jmorru lura. Iżda hu proprju hawn li qed tinkixef il-gidba tas-suppost miraklu ekonomiku li seħħ mill-2013 ‘l hawn. Fl-aħħar għaxar snin ħassarna s-sbuħija ta’ pajjiżna, spiċċajna b’soqfa jiġġarrfu fuq in-nies biex ikun jista’ jinbena bini enormi bieb ma’ bieb magħna, serqulna l-veduti tal-kampanja u tal-baħar b’appartamenti għoljin li ħadd ma jgħix fihom, ħammiġna isem pajjiżna bil-ħasil tal-flus tal-kriminali, żidna l-popolazzjoni bi kważi terz billi ġibna ħaddiema barranin. Dan kollu f’isem l-aqwa żmien għal kulħadd.
Għamilna dan kollu. Iżda l-flus fejn spiċċaw? Għaliex għad hawn tant inugwaljanzi? Għaliex għad hawn familji li, minħabba nuqqas ta’ finanzi, lil uliedhom mhumiex jippermettulhom iqattgħu żgħożithom jistudjaw, jinnamraw, joħorġu mal-ħbieb u jikbru? Għaliex il-gvern tagħna mhuwiex jgħin lil dawk l-istudenti li m’għandhomx mezzi finanzjarji biex ikomplu jistudjaw? Għaliex il-gvern, flok investa fl-edukazzjoni tul dawn l-aħħar għaxar snin, wasal biex jaqleb tagħlim full time għal part time u dan għar-raġuni li l-flus qed imorru fil-bwiet tal-miljunarji?
Min jista’ jispjega għala l-miraklu ekonomiku ta’ Muscat, l-aqwa żmien, tant faqqarna li m’aħniex nippermettu lil uliedna jgawdu l-esperjenza edukattiva tajba għallinqas daqs kemm kienet (għax ma nazzardax ngħid aħjar minn) tal-ġenerazzjoni tagħna?