Minkejja l-kitba u d-diskorsi kollha li nagħmel, jista’ jagħti l-każ li għadni mgħarraq fl-inġenwinità. L-imġiba tal-gvern u tal-Partit Laburista xorta waħda baqgħet tiddiżappuntani. Wieħed irid ikun baħnan jekk jistenna imġiba aħjar minn dawn in-nies. Ma jiswew assolutament xejn id-diskorsi sbieħ li jagħmlu dwar l-impenn li suppost għandhom favur is-saltna tad-dritt u li l-ġurnaliżmu hu r-raba’ pilastru tad-demokrazija.

Bħal-lum tmint ijiem jaħbat il-ħames sena mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Robert Abela mhux ser jieħu sehem fl-attivitajiet li ser ifakkru din it-tebgħa sewda fl-istorja politika ta’ pajjiżna. Ħames snin ilu, dak li kien l-imgħallem ta’ Robert Abela – jiġifieri Joseph Muscat – kellu l-wiċċ sfiq jgħid li l-assassinju ta’ Daphne kien attakk fuq id-demokrazija.

Allura wieħed x’għandu jagħmel fil-ħames anniversarju ta’ attakk bħal dan?

Robert Abela qed iġib ruħu bħallikieku dan l-assassinju qatt ma seħħ. Nhar il-Ħadd li ġej ser jitkellem f’laqgħa għall-partitarji li ser issir f’Ħaż Żebbuġ bħallikieku dakinhar ser ikun Ħadd ordinarju ieħor fost Ħdud oħrajn.

Aktar kmieni din il-ġimgħa l-President tal-Ġermanja għamel żjara lill-mafkar ta’ Daphne fil-Belt Valletta u stqarr li l-gvernijiet huma fid-dmir li jħarsu u li jipproteġu lill-ġurnalisti. Agħtu daqqa t’għajn lejn il-website uffiċjali tal-President Ġermaniż.

Tafu li ftit xhur qabel inqatlet Daphne, Frank-Walter Steinmeier kien imexxi l-Partit Soċjalista tal-Ġermanja? Tafu li Robert Abela għadu sal-lum qatt ma żar il-mafkar minkejja l-fatt li għadda minn quddiemu għal diversi drabi?

Xi drabi jkun hawn min jistaqsi għala bqajna nirsistu bil-kampanja għall-ġustizzja fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia. U mbagħad tiġri xi ħaġa bħal din: il-Partit Laburista jorganizza laqgħa għall-partitarji tiegħu fl-anniversarju tal-assassinju tagħha bil-għan li  jipprova jnessi din il-ġrajja kerha.

Nibqgħu nirsistu minħabba dan l-atteġġjament.

U wkoll għaliex għadna ma rbaħniex.