It-One TV xandar rapport dwar laqgħa li kellu Byron Camilleri mal-kap tal-oppożizzjoni tal-Belarus Sviatlana Tsikhanouskaya. Silta minn dan ir-rapport tgħid hekk: “Tul din il-laqgħa ġiet diskussa s-sitwazzjoni ġewwa l-Belarus u l-isforzi tal-Unjoni Ewropea, li Malta tappoġġa, sabiex iżomm kuntatt u diskussjoni għaddejja mas-soċjetà ċivili f’dan il-pajjiż sabiex jerġgħu lura għan-normal id-drittijiet bażiċi li jiggwidaw kull demokrazija. Il-Ministru Camilleri tenna li Malta se tibqa’ tappoġġa l-isforzi li qed isiru għal Belarus billi tappoġġa wkoll ix-xogħol li qed isir mill-OSCE u anke l-Kunsill tal-Ewropa.”

Wiċċ bla żejt.

F’pajjiżu stess Camilleri u l-kollegi tiegħu lis-soċjetà ċivili jinjorawha aħseb u ara kemm jiddiskutu magħha drittijiet li huma fundamentali għad-demokrazija. Sal-bieraħ stess, il-kollega tiegħu Jonathan Attard qiegħed fuq il-mejda tal-Kamra tad-Deputati l-ewwel abbozzi ta’ liġijiet li jirregolaw l-istampa ħielsa u fl-istess ħin insista li m’hemm ebda ħtieġa li dawn l-abbozzi jiġu diskussi mas-soċjetà ċivili Maltija.

Dawn iż-żewġ ministri u l-gvern tagħhom baqgħu jinjoraw ir-rakkomandazzjonijiet tal-OSCE u tal-Kunsill tal-Ewropa. Kull m’għandhom il-ħila jagħmlu hu li jfasslu “riformi” bla sugu biex dawn ma jkunux effettivi.

Għadna ferm ‘il bogħod mit-traġedja li għaddej minnha l-Belarus. It-tirannija li qed ngħixu aħna lanqas biss tibda’ ħdejn tagħhom u l-vuċijiet tagħna mhumiex maħnuqa daqs kemm huma tagħhom. Għandna sigurtà f’ħajjitna ferm aktar milli għandhom huma u ma jistax isir paragun bejn is-sitwazzjoni tagħhom u dik tagħna.

Iżda dan hu sintomu ieħor tat-tnaqqir tad-demokrazija tagħna: nippretendu li għandna nipprietkaw lil kull oppożizzjoni oppressa f’pajjiżi oħrajn meta l-eżempju li nagħtu aħna huwa nieqes mill-valuri u mill-prinċipji li ngħidu li ngħożżu.

Lill-poplu tal-Belarus, Byron Camilleri jkollu d-dritt li joqgħod jipprietkalhom dwar kif taħdem id-demokrazija dakinhar li jagħti l-eżempju tajjeb b’għemilu.