Hawn tistgħu taraw uħud mir-ritratti uffiċjali li kienu nġibdu s-sena li għaddiet waqt l-inawgurazzjoni tal-proġett tal-Junction tal-Marsa. Tistgħu ssibu wkoll il-link għall-filmat uffiċjali tal-inawgurazzjoni li kienu xxandru dirett fuq l-istazzjon nazzjonali tat-televiżjoni. Biex stajtu ssegwu dan kollu, l-istazzjon nazzjonali saħansitra kien wasal biex ħassar il-programmi regolari tiegħu.

Għal din l-okkażjoni nazzjonali ppretendew li għandna noqogħdu ninkinaw quddiemhom b’xemgħa ta’ qima f’idejna. U kienu ħadu għalihom talli jien dan il-proġett kont sejjaħtlu bi kliem li l-bqija tad-dinja tużahom biex tiddeskrivi proġett bħalu – jiġifieri spaghetti junction –  u saħansitra tkażaw bija fuq il-One TV bl-użu tal-verb “infexx”. Riedu jpinġuni bħallikieku kont biħsiebni nipprovoka l-vjolenza verbali!

U issa wara li għaddew bosta xhur kellna nsiru nafu li l-proġett tal-Junction qed jiġi investigat dwar korruzzjoni li allegatament seħħet u li wieħed minn dawk li kienu qed iħawdu fil-borma ma kien ħadd ħlief Yorgen Fenech, il-qaddej fidil ta’ Joseph Muscat.

Dawk li dalgħodu sabu ruħhom imwaħħlin fit-traffiku fl-iSpaghetti Junction ma ftakrux fil-wegħdiet ta’ Robert Abela li kien ser ikollna sewqan jimxi ħarir u vjaġġi bil-karrozza mit-tramuntana san-nofsinhar tal-gżira u lura li jieħdu ftit minuti biss. Ħadd minnhom ma ftakar li waqt l-inawgurazzjoni l-Junction tal-Marsa – fi żmien il-pandemija – kienet nieqsa mill-karrozzi. Setgħu jiftakru biss f’traffiku mwaħħal.

Il-Junction tal-Marsa issa qed tintagħraf bħala monument imdaqqas għall-korruzzjoni.

Korruzzjoni li tinsab wara kull inizjattiva li jieħu l-gvern li għandna.