F’każ li ma tistaqsix il-mistoqsijiet li biħsiebni li nagħmel, imissek tistaqsi lilek innifsek mistoqsija oħra: int tassew temmen fit-twemmin soċjalista jew inkella moħħok biss fil-partit bħalma jkun moħħu fil-klabb favorit tiegħu tal-futbol partitarju akkanit?

Għaliex kellhom ikunu l-ewroparlamentari Laburisti Maltin l-uniċi minn fost is-soċjalisti li vvutaw kontra riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-saltna tad-dritt f’Malta f’għeluq il-ħames sena mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia?

Jekk l-ewroparlamentari Laburisti Maltin jidhrilhom li kellhom raġun li jivvutaw kontra r-riżoluzzjoni, kif ma kellhomx il-ħila jipperswadu mqar ewroparlamentari soċjalista wieħed minn Parlament sħiħ biex jivvota magħhom?

L-ewroparlamentari Laburisti Maltin għaliex naqsu li jattendu għaċ-ċerimonja fil-Parlament Ewropew dwar l-għoti tal-premju Daphne Caruana Galizia għall-ġurnaliżmu?

U għaliex kellu jkun il-mexxej tal-partit soċjalista Ewropew, li miegħu jinsab affiljat il-Partit Laburista ta’ Malta, li attenda minflokhom?

Agħtu daqqa t’għajn lejn ir-ritratti li tellgħet il-mexxej soċjalista fi Strasburgu Iratxe Garcia Perez fit-tweet tagħha.

Liema parti ta’ din it-tweet ma qbiltux magħha jew ma tridux lill-ewroparlamentari tagħkom ma jaqblux magħha?

“M’hemmx demokrazija mingħajr ġurnaliżmu investigattiv. Nirringrazzja mill-qalb u nirrikonoxxi lill-ġurnalisti qalbiena kollha.”

Liema parti ta’ din l-istqarrija ma taqbilx mal-ideali tagħhkom?

Tinsabu kuntenti b’dan kollu?