Alfred Zammit – hawn mhux qed nirreferi għas-Sindku tal-Belt Valletta – iżda għal dak l-impjegat governattiv skonoxxut li issa leħaq fil-quċċata tal-Financial Intelligence Agency. Għal snin twal kien midħla sewwa ta’ din l-aġenzija li rat bosta diretturi ġejjin u sejrin. Bejn id-dħul u l-ħruġ ta’ diversi diretturi, huwa għamilha tal-imgħallem. Jiġifieri huwa l-bniedem li kien jiffirma dokumenti ta’ importanza fi ħdan l-organizzazzjoni.
Kien issemma’ mhux ftit meta xxandret ittra li fl-2016 huwa kien kiteb lil tal-Pilatus Bank. Din l-ittra kienet inkitbet wara li kienu saru investigazzjonijiet inizjali mill-FIAU li kienet sabet taħwid kbir fit-twettiq tal-politika mandatarja ta’ kontra l-ħasil tal-flus maħmuġin mill-istess Bank. Issa – ngħiduha kif inhi – min stenna li tal-Pilatus Bank kienu ser jagħmlu gwerra kontra l-ħasil tal-flus maħmuġin kien qiesu dak li jippretendi li ħanut tal-laħam għandu jippromwovi l-konsum tal-ħaxix. Uffiċjalment dan kien għadu ħadd ma jafu.
Il-kliem li ntuża fl-ittra li nkitbet fl-2016, li kopja tagħha qed tidher hawn taħt, ma jindikax li l-awtur kien għal kollox sodisfatt li tal-Pilatus Bank kienu għamlu xi bidliet serji. Madankollu l-awtur kiteb li “l-FIAU tikkonferma li l-kwistjonijiet li ssemmew fl-ittra tagħna tas-17 ta’ Mejju 2016 issa huma magħluqin”. Dawn messhom kienu l-aħħar famużi kelmiet. Fakkruni fil-kliem ta’ dak is-surmast tal-matematika li lil Albert Einstein – li għad kellu biss 12 il-sena – kien qallu li ma kienx ser ikampa wisq fil-ħajja. Jew fid-dokument li kien kiteb Albert Speer dwar kif it-Tielet Reich għandu jibni l-binjiet li kellhom jibqgħu sodi għal elf sena.
L-ittra ta’ Alfred Zammit lill-FIAU li bis-saħħa tagħha nħafru d-dnubiet li kienet identifikat l-aġenzija tiegħu kellhom jagħlqu l-kwistjoni u Ali Sadr Hashemi Nejad kellu jibqa’ għaddej bil-ħasil tal-flus ġejjin mill-kriminalità ta’ politiċi korrotti lokali u internazzjonali. B’xorti ħażina għalih, daħlet fin-nofs l-FBI u fl-2018 ma damitx biex arrestat lil Ali Sadr waqt li dan kien fi New York, jiġifieri madwar 18 il-xahar wara li kienet intbagħtet l-ittra ta’ Alfred Zammit. Tal-FBI mbagħad ħarrkuh u xlewh bi frodi bankarja u b’delitti finanzjarji oħrajn.
Ali Sadr kien ġie mħarrek dwar delitti li kienu seħħew minn qabel it-twaqqif tal-Pilatus Bank. Iżda, jekk xejn, dan il-fatt waħdu kkonferma li l-awtoritajiet ma kienux wettqu stħarriġ xieraq dwar is-sid qabel iddeċidew li jagħtu liċenzja lill-istess Bank.
L-arrest u l-akkużi li nġiebu kontra Ali Sadr (aktar tard kien ġie misjub ħati minn ġuri ta’ qorti federali iżda mbagħad inħeles fuq teknikalità) wittew triq li fi żmien qasir wasslet għall-għeluq tal-Pilatus Bank u dan grazzi għall-intervent f’waqtu tar-regolaturi Ewropej li jirregolaw lir-regolaturi lokali.
F’Diċembru 2019, l-Aġenzija Bankarja Ewropea għaddiet mill-għarbiel lill-istituzzjonijiet Maltin, b’mod partikolari lill-FIAU, dwar il-kwistjoni tal-Pilatus Bank u sabet li kien hemm “nuqqasijiet ġenerali u sistematiċi” fit-twettiq minn Malta tal-liġijiet Ewropej ta’ kontra l-ħasil tal-flus maħmuġin. Din is-sitwazzjoni l-Kummissjoni Ewropea sejħitilha bħala “aħbar ta’ tħassib”. Tħassbu. Iżda ċertament xejn ma skantaw.
Issa ilhom tliet snin igħidulna li rranġaw l-affarijiet u li kollox ward u żahar. Tal-Aġenzija Bankarja Ewropea u tal-Kummissjoni Ewropea min jaf kemm ser iħokku rashom meta jintebħu li dak li kien aġent direttur fi żmien meta, bis-saħħa tan-“nuqqasijiet ġenerali u sistematiċi” tagħna, lil Ali Sadr irħejnilu jagħmel li jrid u li jogħġbu, issa tlaħħaq direttur. Dan tgħid ser isejħulu “tħassib”?
Ibqgħu ċerti li ser jistaqsuna messniex laħħaqna lil xi ħadd ieħor flok wieħed li kien diġà għamel froġa.
Iżda mbagħad inkunu nistgħu ngħidulhom li, għalkemm il-Pilatus Bank issa ilu magħluq għal madwar 4 snin, il-prosekuzzjoni ta’ dawn id-delitti tista’ ssejħilha waħda redikola u ineżistenti.
Imbagħad ikunu jistgħu jitħassbu bl-għażliet li nkunu għamilna.
Iżda ċertament xejn m’huma ser jiskantaw.