Cartoon by Steve Bonello, see: https://timesofmalta.com/articles/view/islanders-november-13-2022.993960

Il-kittieb, eks attivista Laburista u uffiċjal governattiv Mark Camilleri xandar kitba fil- blog tiegħu fis-sens li Robert Abela kien kera l-villa li għandu fiż-Żejtun lil sinjurun Russu li hu suspettat li kien xaħħam lil Keith Schembri meta dan kien chief of staff biex seta’ jakkwista passaport Malti.

F’Marzu li għadda l-PN kien kixef rabta li hemm bejn Evgeny Filobokov u Robert Abela li, meta kien jaħdem fl-istes ħin bħala konsulent ta’ Joseph Muscat u bħala avukat privat, kien assista lil Filobokov f’kwistjoni privata dwar kuntratt.

L-allegazzjonijiet li Filobokov kien xaħħam lil Brian Tonna u lil Keith Schembri bis-saħħa tal-Pilatus Bank ilhom magħrufin pubblikament sa mill-2016 meta kienu nkixfu d-dettalji mill-eks kap tal-oppożizzjoni Simon Busuttil.

U kif ġara’ meta tal-klikka ta’ madwar Joseph Muscat kienu nkixfu fi skandli oħrajn, il-pulizija baqgħet ma ħadet ebda passi.

Sadattant Brian Tonna u Keith Schembri xandru numru ta’ ftehim ta’ self bla ingħax u allegaw li Keith Schembri kien silef flus lil Brian Tonna meta dan kien jinsab f’nofs kawża ta’ divorzju ma’ martu.

Robert Abela qatt ma kixef l-isem tal-kerrej li kien qed jikri l-villa fiż-Żejtun. Bħala sid il-kera, huwa m’huwiex obbligat li jagħmel dan. Iżda, bħala prim ministru, minħabba l-mod skandaluuż li Filobokov kien akkwista passaport Malti, Robert Abela kellu obbligu morali li jinforma lill-pubbliku.

Mark Camilleri ma xandar ebda prova dokumentata biex juri li Robert Abela hu jew kien sid il-kera ta’ Evgeny Filobokov. Mark Laurence Zammit, ġurnalist tat-Times of Malta, kien staqsa lil Robert Abela dwar l-identità tal-kerrej tal-villa iżda l-prim ministru għażel li ma jweġibx. Qal, iżda, li hu jiddikjara l-kera li jdaħħal għal skopijiet ta’ ħlas ta’ taxxa.

Robert Abela jmissu jaf li tweġiba bħal din m’hix biżżejjed.

F’pajjiż normali, Robert Abela bħalissa kien ikun taħt pressjoni kbira biex jew jiċċara li qatt ma kellu kerrej li kien ġie akkużat li xaħħam lil Keith Schembri biex seta’ llegalment jakkwista passaport Malta jew inkella għandu jwarrab.

Robert Abela stqarr li taħtu ma seħħet ebda korruzzjoni. Jaf x’kien qed iseħħ fil-villa tiegħu stess?

Il-gvern kellu bżonn xi raġuni oħra biex jipprova jidfen l-iskandlu tal-Pilatus Bank taħt it-trab?