It-tieni l-aktar kariga importanti fil-korp tal-Pulizija baqgħet vakanti. Kull min jerfa’ r-responsabbiltà ta’ kariga bħal din ikollu taħt idejh il-units ċentralizzati kollha tal-Pulizija. Min ikollu kariga bħal din ikollu jissielet kontra l-kriminalità serja u jiffaċċja kwistjonijiet jaħarqu.

Alexandra Mamo – l-persuna li kellha din il-kariga – spiċċat biex dabbret rasha.

Ħadd ma jrid jilbes il-kappell li sa ftit ilu kienet tilbes hi. Meta nħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet, kien hemm applikazzjoni waħda biss li ġiet irtirata ftit wara.

Ħadd mill-assistenti kummissarji u mis-supretendenti kollha ma tħajjar li jimla’ din il-kariga.

Huwa minnu li kull min jinħatar bħala uffiċjal anzjan tal-pulizija jkollu vokazzjoni diffiċli x’jaqdi, iżda qatt ma ġrat li t-tieni l-aktar kariga importanti fil-korp ma jkun hemm ħadd li jidħol għaliha. Minn korp sħiħ, wieħed kien jistenna li jitħajjar xi ħadd li jidħol għal dan ix-xogħol u għal responsabbiltà diffiċli bħal dan.

Jeħtieġ li nsiru nafu għala din ir-repubblika qed issibha daqstant diffiċli li taħtar Deputat Kummissarju tal-Pulizija. Jien nista’ nispekula mingħajr ma noqgħod nivvinta.

L-ewwelnett, jeħtieġ jingħad li ma’ bniedem bħal Anġlu Gafà ftit ħafna huma dawk li għandhom il-ħila li jaħdmu.

It-tieni, n-nuqqas ta’ rieda li jiġu mħarrka kriminali politiċi saret waħda istituzzjonalizzata sewwa tant li, waħdu, anki l-aktar uffiċjal tal-pulizija żelanti ma jista’ jxejjen l-impunità.

It-tielet, mhux lakemm wieħed jipprova jibda’ paġna ġdida ġaladarba r-riħa tinten tal-amministrazzjoni preċedenti baqgħet tintxamm fl-arja sal-lum.

Madankollu xogħol il-korp tal-pulizija, dak tad-dipartiment tal-gvern li jissorveljah, tal-ministru u tal-gvern kollu huwa dak li jsewwi sitwazzjoni mwiegħra. Il-gvern m’hu jsemmi ebda inċentiv li jista’ jħajjar lin-nies biex jidħlu għal xogħol bħal dan u lanqas m’hu jipprovdi riżorsi aħjar sabiex ikun jista’ jaġixxi fuq dak kollu li jirriżulta mill-investigazzjonijiet li jwettqu l-investigaturi.

Minn naħa tal-gvern kulma hemm hu biss skiet li jtarrax li jidher li hu kuntent li fil-korp tal-pulizija m’hemm ħadd li għandu r-rieda, l-awtorità u l-kuraġġ morali li jġibu fl-inkwiet serju.