L-ewwel li tkellem kien Arnold Cassola. U aktar tard The Shift News ikkummentat dwar informazzjoni li kellha li, aktar kmieni dan ix-xahar fuq ajruplan mimli daqs bajda, passiġġieri fuq titjira tal-Air Malta għal Londra li kellhom postijiet ibbukkjati minn qabel, ġew imġiegħla jwarrbu mill-postijiet tagħhom sabiex  jagħmlu l-wisa’ għas-segretarju parlamentari Chris Bonett u għall-familja tiegħu.

Għal wiċċu u għal wiċċ niesu kellhom iwarrbu għaxra minn nies minn posthom.

Xi ġimgħat ilu, dan l-istess Bonett ġie rappurtat li mar għal btala fi Sqallija bil-karrozza ministerjali tiegħu u rrifjuta li jwieġeb mistoqsijiet li sarulu dwar kif ħallas għall-vjaġġ u għall-petrol li kellu juża.

Li kieku ġrat xi ħaġa bħal din għaxar snin ilu fi żmien l-amministrazzjoni Gonzi, tgħidx xi skandlu kien ifeġġ u kien ikun hemm ir-riżenji. Iżda dak iż-żmien, affarijiet bħal dawn kienu rari.

Jeħtieġ nifhmu li qegħdin ngħixu f’pajjiż li fih imġiba bħal din ftit huma dawk li jiskandalizzaw ruħhom biha u ma jissemma’ xejn ħlief f’xi paġna tal-Facebook ta’ xi politiku indipendenti determinat jew website ta’ xi aġenzija tal-aħbarijiet indipendenti, li t-tnejn jitqiesu bħala politikament emarġinati mill-klassi politika dominanti.

Chris Bonett qed jagħmel li jrid għax Chris Bonett qed jitħalla jagħmel li jrid.

Mela għalaqlu.