Bismarck darba kien stqarr li ż-żewġ affarijiet li l-pubbliku m’għandux jitħalla jara kif jitfasslu huma tnejn: iz-zalzett u l-liġijiet. Dan kien serva bħala kanċillier f’pajjiż li fih il-kariga ta’ kap ta’ stat kienet waħda li tintiret – fatt li aktar tard kien wassal għat-tneħħija tiegħu mill-kariga. Li kieku kien isir jaf dwar kif jinħatru l-kapijiet ta’ stat f’Malta, kien jispiċċa b’taqlib kbir fl-istonku.
Nappellalkom biex ma tifhmunix ħażin. Il-kariga ta’ President ta’ Malta m’hix xi kariga li wieħed ser joqgħod jitqatel biex jakkwistaha, sakemm ma jkunx jismek Franco Debono int u tagħmel tabirruħek li kariga bħal din m’intix imlebleb għaliha bħallikieku int xi Richard of Gloucester mitluf f’reċitazzjoni ta’ talb u ndiema. Madankollu bosta minn dawk li tlaħħqu għal din il-kariga kienu ġenwini meta stqarrew li l-ħatra ta’ President ta’ Malta ma kienitx waħda li xtaquha.
Joseph Muscat ma kienx l-ewwel prim ministru li ddeċieda li “jeħles” minn wieħed mill-ministri tiegħu billi jaħtarhom għall-Presidenza.
Iżda l-verità hi li ma tistax tipparaguna l-ħatra ta’ Ugo Mifsud Bonnici – persuna li deherlu li kien għad fadallu x’jikkontribwixxi lid-dipartiment li kien ġie fdat lilu – mal-mod arbitrarju li bih inħatret Marie Louise Coleiro Preca li kienet saret taf li bid-deċiżjoni waqt li kienet f’darha hi u tgħaddi l-ħwejjeġ.
Li jġiegħlek tiskanta huwa l-fatt li l-eks President ta’ Malta ammettiet li l-aħbar tal-ħatra tagħha kienet ixxandret pubblikament minkejja l-fatt li hi kienet għadha m’aċċettatx il-kariga. U biex inkomplu ngħaxxquha, stqarret li lill-prim ministru kienet qaltlu ċar u tond li l-kariga ta’ President hi ma riditihiex. Fi kliem ieħor, inħatret kontra r-rieda tagħha.
Li kieku l-prim ministru ġab ruħu b’dan il-mod mas-seftura, din kien ikollha raġun tixlieh li jrid jagħmilha lsira.
Il-fatti juru li Joseph Muscat kien qed jgħaddi romblu fuq kulħadd u l-imġieba awtoritarja tiegħu kienet ġiet aċċettata. U Marie Louise Coleiro Preca fehmet li ma kellhiex triq oħra ħlief li ċċedi l-armi.
Jien wieħed minn dawk li l-manuvri politiċi li jseħħu minn wara l-kwinti f’pajjiżna xejn ma jogħġbuni għar-raġuni jmorru kontra l-bażi tad-demokrazija. Iżda, fil-każ ta’ Coleiro Preca, l-manuvri li saru kienu kontra d-diċenza bażika.
Dan kollu kien seħħ fl-2014. Muscat kien ilu biss sena prim ministru u seta’ jagħmel li jrid. Sentejn wara, seta’ wkoll iżomm miegħu lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi u dan ftit wara li feġġ l-iskandlu tal-Panama. Għaliex ħadd ma seta’ għalih u l-kollegi tiegħu fil-kabinett m’ażżardawx imeruh.
Dan kollu seħħ biss ftit tas-snin ilu.
Naqta’ rasi taħt mannara li dawk il-ministri li baqgħu ma tniffsux dakinhar li Robert Abela warrab abbozz ta’ liġi li jittratta dwar ġid li dwaru ma jistax jingħata rendikont, dakinhar li tfaċċat l-aħbar li Robert Abela kien kera l-proprjetà tiegħu lil ċittadini Russi li mhux veru kienu qed igħixu f’Malta, dakinhar li xxandret l-aħbar li Abela kien fin-negozju ma’ persuna li jinsab mixli bi ħtif u arrest illegali ta’ persuni, dakinhar li huwa tkaża pubblikament dwar abbozz ta’ liġi kontra l-mafja, dakinhar li ressaq liġi li tippermetti l-abort u dan minkejja ċaħdiet ripetuti li l-liġi li ressaq m’hix ser tagħmel dan u, fi żmien aktar riċenti, meta ressaq abbozz ta’ liġi li jwarrab is-setgħa tal-Parlament li jaħtar kummissarju dwar l-istandards fil-ħajja pubbika, fi żmien 10 snin ser imorru jgħidu pubblikament li baqgħu siekta minkejja l-oppożizzjoni tagħhom għal imġieba bħal din.
Madankollu l-fatt jibqa’ li Marie Louise Coleiro Preca setgħet baqgħet tinsisti li l-Presidenza hi ma ridithiex u kien messha ma ċedietx. Iżda, bħalma dejjem jiġri, il-lealtà lejn il-partit ħa s-sopravvent u, bħal ħaruf sejjer għall-qatla, spiċċat għamlet bħalma kienu għamlu wkoll Evarist Bartolo u George Vella.