Robert Abela qed jibqa’ jippersisti bit-theddid. Aqraw x’kont ktibt dakinhar li Robert Abela għall-ewwel darba hedded lil tal-oppożizzjoni li jekk jibqgħu ma jaċċettawx l-għażla tiegħu għall-ħatra ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, kien lest li jibdel il-liġi biex – bihom jew mingħajrhom – tgħaddi tiegħu.

M’hux bi ħsiebni  noqgħod nirrepeti dak li kont ktibt iżda nixtieq infakkar li din il-liġi l-ġdida mhux biss ser tippermetti lill-gvern li jgħaddi romblu u jagħmel il-ħatriet li jkun irid minkejja n-nuqqas ta’ qbil tal-oppożizzjoni, iżda ser tagħtih is-setgħa li jagħmel ħatriet minn wara dahar l-oppożizzjoni.

Din m’hi xejn ħlief liġi moqżieża u ċinika li, bħala uffiċjal Parlamentari li qiegħed hemm biex igħarbel l-imġiba ta’ persuni pubbliċi, lill-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika ser tniżżlu fl-iskala ta’ impjegat tal-gvern li jkun jista’ jitneħħa mill-ħatra b’daqqa ta’ pinna. Fi kliem ieħor, il-kariga ser tiġi newtralizzata, l-gvern ser ikun inqas trasparenti, l-Parlament ser titnaqqaslu s-setgħa li jgħarbel l-operat tal-gvern, lill-ministri ser ikompli jinfetħilhom beraħ il-bieb tal-impunità u d-dritt tagħna bħala ċittadini li nkunu nafu x’qed iseħħ u kif qed jintefqu flusna ser ikompli jintradam u jitgħaffeġ taħt is-saqajn.

Il-gvern ta’ Robert Abela jidher li tgħallem sewwa mingħand il-faxxisti. Lid-demokrazija dawn ma jeqirduhiex darba għal dejjem b’daqqa ta’ mazza, iżda jeqirduha bil-mod il-mod u nkiss inkiss.

L-abbozz ta’ liġi li jneħħi s-setgħa tal-Parlament li jaħtar lil dak li dmiru huwa li jgħarbel l-imġieba tal-membri tiegħu xandruh jumejn wara l-Milied. Dan jindika li l-gvern jinsab imbeżża’ li jista’ jkun hemm min jista’ juri t-tħassib tiegħu għal dan it-tnawwir tad-demokrazija u jitħajjar li jieħu azzjoni.

Jista’ jagħti l-każ li l-gvern mhux qed jissottovalutana.

Hawn xi ħadd li ser iħabbel rasu li l-gvern ser igħaddi biex stat ta’ fatt jagħtih is-sura ta’ liġi? Dawn mhux li jridu jagħmlu?