Fid-diskors tiegħu tal-bieraħ il-prim ministru stqarr li huwa kien tkellem ma’ maġistrat, li ismu jew isimha ma ssemmiex, dwar dak li hu jqis bħala sentenzi tal-qorti li ma jagħtux pieni ħorox.

Robert Abela ħadem fil-qorti għal snin twal. Jaf ben tajjeb li, anki f’diskursati ta’ natura privata, ma jistax jaqbad u jitkellem ma’ maġistrat dwar sentenzi li jkunu ngħataw u dan biex iħeġġu jibdilhom. Jaf ukoll li, anki li kieku stess kien ingħata l-privileġġ li jitkellem privatament ma’ xi membru tal-ġudikatura, kien messu żamm lura milli jitkellem pubblikament dwar id-diskursata kemm jekk ikun avukat kwalunkwe u wisq inqas jekk ikun il-prim ministru.

Jaf ukoll li diskursati bħal dawn ma’ maġistrat jammontaw għal ksur tar-regolamenti. Il-maġistrati huma marbutin b’kodiċi ta’ etika li ma jippermettilhomx jitkellmu ma’ membru tal-eżekuttiv ħlief f’ċirkostanzi speċifiċi ħafna u kemm il-darba jiġi segwit protokoll speċifiku. Aħseb u ara kemm dawn jistgħu jitħaddtu mal-kap tal-eżekuttiv stess.

Dawn ir-regolamenti ma tfasslux b’kumbinazzjoni. Tfasslu biex l-imħallfin u l-maġistrati jiġu mħarsa mill-indħil tal-gvern u sabiex il-proċess ġudizzjarju ma jingħatax id-dehra li qed ikollu l-indħil mingħand il-gvern.

Meta jidher quddiem ġudikant, wieħed ma jkunx irid li tgħaddilu minn moħħu li teżisti xi id moħbija u li l-ġudikant qed jiżfen għal dak li jkun qed idoqqlu xi prim ministru. Wieħed jistenna li jiġi ġudikat skont dak li tipprovdi l-liġi, skont dak li jirriżulta mill-provi u skont dak li lill-ġudikant tgħidlu kuxjenztu u dan mingħajr l-indħil ta’ ħadd.

M’hix sistema ġusta meta dak li jmexxi l-prosekuzzjoni kontrik jitħallas u jaqa’ taħt il-prim ministru u dak li jkun ser jiġġudikak jitkellem privatament mal-istess prim ministru li qed igħidlu dwar kif għandhom jinqatgħu s-sentenzi.

Jekk il-ġimgħa li għaddiet Robert Abela ħa sehem f’diskursata bħal din – diskursata li huwa stess ammetta li ħa sehem fiha – jista’ allura wkoll jieħu sehem f’diskursati ma’ maġistrati dwar każijiet li jinteressawh direttament: jiġifieri inkjesti dwar korruzzjoni li fihom jinsab imdaħħal il-Partit Laburista, dwar il-prosekuzzjoni ta’ persuni li xaħħmu lill-ministri tiegħu, eċċetra.

Jista’ issa jiċħad dan kollu u jgħidilna li mal-membri tal-ġudikatura ma tkellimx dwar każijiet speċifiċi. Iżda l-punt m’huwiex dan. Diskursati bħal dawn m’humiex permissibbli għaliex ma nkunu nistgħu qatt insiru nafu l-verità meta l-affarijiet iseħħu bil-moħbi.

Ninsab konvint li lil Robert Abela ma ħarbitlux minn taħt ilsienu: dan jaf sewwa li diskursati bil-moħbi mal-ġudikanti m’humiex permissibbli. U ngħid li ma ħarbitlux u għamilha apposta għaliex, bl-istqarrija li għamel, fl-imħuħ tan-nies daħħal l-idea li l-ġudikatura tinsab taħt l-influwenza tiegħu. Dak li stqarr għaldaqstant stqarru apposta b’dan it-tir f’moħħu.

Il-kodiċi tal-etika li jorbot lill-ġudikanti, jorbot lilu wkoll. Daqs kemm huwa kontra l-etika li maġistrat jitħaddet privatament dwar sentenzi mal-prim ministru, daqstant ieħor huwa kontra l-etika meta l-prim ministru jieħu sehem f’taħditiet bħal dawn.

Il-prim ministru kiser ir-regoli tal-etika. Skont dawn ir-regoli, prim ministru ma jistax imur lil hinn mil-limiti tas-setgħa li tagħtih il-liġi u dawn il-limiti jżommuh milli jindaħal lill-ġudikatura. Il-motivazzjoni wara dawn il-limiti hi li l-prim ministru diġà għandu setgħa biżżejjed biex jindirizza l-kwistjonijiet dwat il-qorti li huwa lmenta dwarhom.

Xogħolu huwa dak li jsewwi n-nuqqasijiet fil-pulizija u fil-prosekuzzjonijiet.

Jekk il-prim ministru jidhirlu li s-sentenzi li qed jingħataw m’humiex ħorox biżżejjed, bħala mexxej tal-maġġoranza parlamentari huwa għandu s-setgħa li din is-sitwazzjoni jirranġaha mingħajr ma jagħmel pressjoni fuq il-ġudikatura. Kif ilmenta l-bieraħ il-prim ministru, huwa minnu li l-ġudikanti għandhom it-tendenza li jaqtgħu s-sentenzi tagħhom skont kif ikunu nqatgħu fl-imgħoddi u li jekk tradizzjonalment għal ċerti delitti ma tingħatax piena ħarxa, għandhom it-tendenza li jkomplu jagħmlu dan. Iżda hu, bħala prim ministru, għandu s-setgħa li din it-tendenza jibdilha għaliex il-preċedent huwa konsiderazzjoni sekondarja. Li jgħodd huwa dak li tipprovdi l-liġi.

Jekk il-prim ministru m’huwiex kuntent bil-mod kif il-ġudikanti qed jaqtgħu s-sentenzi tagħhom fejn tidħol il-piena li tingħata skont il-liġi, huwa għandu s-setgħa li jmur il-Parlament u jibdel il-liġijiet biex ikunu jistgħu jingħataw pieni aktar ħorox. Biex inġib eżempju, jekk skont il-liġi l-piena għal min iboss fil-pubbliku hi ta’ bejn sena u għaxar snin ħabs u Robert Abela m’huwiex kuntent bil-fatt li l-ġudikanti qed jagħżlu l-piena minima ta’ sena ħabs għal min iboss fil-pubbliku, għandu kull dritt li jmur il-Parlament u jemenda l-liġi biex il-piena ssir ta’ bejn għaxar u għoxrin sena ħabs. M’hemmx għalfejn joqgħod jiltaqa’ mal-ġudikanti bil-moħbi. U m’għandux għalfejn joqgħod jilgħab għall-gallarija u għall-applawsi b’diskori mqanqla.

X’qed iżommu li jmur il-Parlament biex jemenda l-liġijiet? Xi skop hemm wara dawn ix-xenati kollha li qed iservu biex jagħmlu pressjoni fuq il-ġudikanti?

Sempliċi. Għaliex il-kwistjoni kollha li tqanqlet m’għandha x’taqsam xejn mal-ġlieda kontra l-kriminalità. Iżda għandha x’taqsam ħafna ma’ prim ministru li jrid jurina x’setgħa kbira għandu – setgħa li saħansitra tmur lil hinn mis-setgħa imperjali li diġà jagħtuh il-liġijiet tal-pajjiż. Irid jurina li s-setgħa tiegħu m’għandhiex limiti u li jekk ikun irid iċempel maġistrat u jiddettalu kif għandu jaqta’ sentenza, m’hux ser jiddejjaq jiftaħar b’dan pubblikament.

Ilni nilmenta 5 snin sħaħ li d-demokrazija f’pajjiżna qed titnaqqar ftit ftit u lest naħfer lil dawk li qatt ma ħaduni bis-serjetà. Iżda l-proċess tal- qerda huwa wieħed twil u s-sikkina Laburista m’hix waħda msinna.

Sakemm jibqa’ jkollhom l-applawsi, kollox sew.

Kollox sew sakemm saħansitra anki l-ġudikanti jibqgħu jiftakru min tassew jinsab idoqq l-istrumenti tal-mużika.