Żminijet oħra: Jesmond Gatt, l-ewwel fuq ix-xellug, dak iż-żmien chief officer fil-Bank Ċentrali ta’ Malta u li dalwaqt ser jilħaq Chairman tal-MFSA, jittawwal minn fuq spallejn Edward Scicluna, li kien u għadu Gvernatur tal-Bank Ċentrali u direttur insinjifikanti fuq il-bord tal-MFSA.

It-Times of Malta llum xandret rapport li jgħid li Jesmond Gatt ser jieħu post John Mamo bħala Chairman tal-Awtorità dwar is-Servizzi Finanzjarji.

Jesmond Gatt ilu żmien twil jaħdem fil-qasam regolatorju. Kif qalet it-Times of Malta huwa kien beda’ jaħdem mal-Bank Ċentrali fl-1984. Iżda minn mal-Bank Ċentrali kien spiċċa bil-banda. Bħala chief officer kien imlaħħaq sewwa iżda fost sħabu kien magħruf bħala wieħed li għandu l-ħila jpaċapaċ ħafna mingħajr iżda ma jwettaq.

Fil-fatt kellu xi igħid bil-kbir mal-gvernatur tal-Bank Ċentrali, jiġifieri mal-eks ministru ta’ żmien Muscat, Edward Scicluna u Jesmond Gatt kien ġie imġiegħel idabbar rasu.

Iżda ma damx wisq imdendel bejn sema u ilma. Qabel l-2013, Gatt kien għen lill-Partit Laburista u kien ingħata l-kenn inkundizzjonat li s-soltu jingħata lill-“persons of trust”. Minn bord għadda għal ieħor, sakemm imbagħad ingħata l-ħatra li xtaq.

Issa Edward Scicluna ser ikollu jpoġġi koxxa ma’ koxxa miegħu waqt il-laqgħat tal-bord tal-MFSA immexxijin minnu.