Rapporti mxandra minn Transparency International  jikkonfermaw li Malta baqgħet tiġi meqjusa bħala pajjiż korrott, illum aktar mis-sena li għaddiet.

Transparency International tat spjegazzjoni ċara u sempliċi għal dan. Ħames snin ilu ġiet assassinata ġurnalista f’Malta talli din ażżardat tinvestiga u xxandar stejjer dwar korruzzjoni. Sal-lum, kien messna wrejna li tgħallimna min-nuqqasijiet tal-imgħoddi.

Sal-lum kien messna qridna l-impunità li għadhom igawdu l-ħallelin li kienet kixfet.  Sal-lum, dawk li kienu ħawwdu fil-borma tal-iskandlu tal-Panama kien diġà messhom għamlu parti miż-żmien tagħhom maqfulin il-ħabs. Sal-lum, dak li jinsab mixli li ordna t-twettiq ta’ assassinju ta’ ġurnalista sabiex ikun jista’ jibqa’ jgawdi l-qliegħ mill-kuntratt illegali tal-power station, ma messux baqa’ jgawdi l-qliegħ mill-istess kuntratt illegali.

U sal-lum, kien messna fassalna u għaddejna liġijiet li jwarrbu l-possibilità li dan kollu jseħħ għal darb’oħra. Mhux qed ngħid biss għal-liġijiet li jħarsu u jipproteġu lill-ġurnalisti. Qed ngħid ukoll għal-liġijiet li jwasslu biex jinqered il-ħażin kollu li dwaru kienet tikteb il-ġurnalista assassinata waqt li l-forzi tal-ordni kienu mehdijin imeximxu l-laħam tal-fenek.

Sal-lum, kien messna fassalna sistema li permezz tagħha jkun jista’ jiġi konfiskat il-ġid ta’ kull min ma jkollux il-ħila jispjega minn fejn ikun akkwistah, anki jekk dan ma jkunx għadu ġie misjub ħati minn qorti fuq twettiq ta’ delitt kriminali. Sal-lum, l-abbużi tal-poter mwettqa mill-politiċi kien messhom ġew kriminalizzati. Sal-lum, kien messna fassalna u għaddejna liġi li tħares u tipproteġi lill-whistle-blowers, u mhux bqajna b’liġi li tqiegħed fuqhom riskju akbar. Sal-lum, messna fassalna u għaddejna liġi li bis-saħħa tagħha l-ġid konfiskat mingħand il-kriminali jiġi mgħoddi lill-komunità u dan għall-ġid tas-soċjetà. Sal-lum, l-att li permezz tiegħu jiġi mxekkel il-kors tal-ġustizzja kien messna għamilnieh delitt kriminali. Sal-lum, is-sħubija f’għaqda mafjuża – jiġifieri kull negozju li jagħmel użu mit-tixħim u mill-intimidazzjoni biex jiġu akkwistati artijiet pubbliċi, kuntratti pubbliċi u monopolji ekonomiċi – kien messna għamilniha delitt kriminali.

Fil-qosor, dawn kienu r-rakkomandazzjonijiet li kienu għamlu tliet Imħallfin f’rapport ta’ inkjesta pubblika li ilu mxandar sa minn Lulju 2021. Niftakru li dan il-bord tal-inkjesta pubblika dam madwar sentejn biex jinħatar għaliex Joseph Muscat u wħud mill-ministri tiegħu, li huma wkoll ministri ta’ Robert Abela, kienu għamlu l-bsaten fir-roti għal sentejn sħaħ wara l-assassinju ta’ Daphne. Għax kien mingħalihom li kellhom il-ħila li jikkonvinċu lilhom infushom u lid-dinja li l-assassinju ta’ ġurnalista ma kienx frott tal-korruzzjoni li ħakmet lill-pajjiżna.

Kien biss fi żmien li fih kienu taħt pressjoni kbira – jiġifieri f’Novembru 2019 – li ċedew l-armi u l-inkjesta pubblika setgħet tibda’ x-xogħol tagħha.

Iżda issa qed jirrifjutaw li jwettqu r-rakkomandazzjonijiet tagħha.

Sbieħ is-17 ta’ Ottubru 2017, hekk kif intbaħna li l-ħmar il-lejl li konna qegħdin ngħixu ma kienx ser jgħeb kif ġieb u leħaq, għamilna l-almu tagħna biex lid-dinja nuruha li kellna intenzjonijiet ġenwini u għidna li ma konniex nafu li Daphne ma kienitx  eżaġerat fl-analiżi tagħha. Konna għadna ma ntbaħniex kemm pajjiżna kien għereq fil-żmieġ tal-korruzzjoni u dwar kemm għad irid isir xogħol biex titranġa s-sitwazzjoni.

X’inhi l-iskuża issa?