Diġà għaddew kważi sentejn minn dakinhar li wieħed mill-qattiela ta’ Daphne Caruana Galizia għall-ewwel darba stqarr fil-beraħ li kien jaf bi pjan ieħor biex tinqatel il-ġurnalista, liema pjan kien spiċċa biex ma twettaqx. Sentejn ilu, Vince Muscat il-Koħħu kien qed iwieġeb mistoqsijiet li kien għamillu fil-qorti Jason Azzopardi u stqarr li hu kien wassal lil Alfred Degiorgio, wieħed mill-qattiela, għal laqgħa ma’ Chris Cardona bil-għan li jiġi diskuss il-qtil ta’ Daphne.

Din l-allegazzjoni reġa’ rrepetiha llum f’kawża ċivili li għamlet il-familja ta’ Daphne hu u jwieġeb għal mistoqsijiet tal-avukat.

Vince Muscat kien l-ewwel wieħed li tkellem dwar Chris Cardona, iżda ma kienx l-uniku wieħed. L-aħwa Degiorgio nnifishom, fl-istadju meta kienu għadhom qed jittamaw li jparrtu l-informazzjoni li għandhom ma’ xi tnaqqis fil-piena għad-delitt tal-qtil ta’ Daphne, kienu wrew li kienu mejtin biex jixhdu kontra Chris Cardona.

Biex jixhdu u jikxfu kien jeħtieġ li jingħatalhom inċentiv. Ma kienx opportun li l-piena titnaqqsilhom iżda jeżistu metodi oħrajn li permezz tagħhom xhieda jistgħu jingħataw inċentiv biex igħinu lill-istat jaqbad lill-kriminali.

Nagħmilha ċara li min joqtol m’għandux jitqiegħed fl-istess keffa ma’ dak li jippjana li joqtol. Iżda min jippjana qtil xorta waħda jkun ħati ta’ delitt kriminali u jeħel snin twal maqful il-ħabs. U skont l-allegazzjoni li saret, dak li ppjana l-qtil kien ministru tal-gvern.

Kien hemm aktar minn persuna waħda li pubblikament u ripetutament għamlet l-istess allegazzjoni dwar Chris Cardona. Huma l-kriminali li jixhdu dwar atti kriminali. Lill-Koħħu, l-istat diġà qiesu bħala xhud affidabbli. Tant li ngħata tnaqqis fil-piena biex jixhed kontra persuni mafjużi fil-każ tal-qtil tal-avukat Carmel Chircop. U jekk huwa meqjus bħala xhud li tista’ torbot fuqu fil-każ li hemm kontra Adrian Agius, Jamie Vella u Alfred Degiorgio, għandu jitqies ukoll bħala xhud li tista’ torbot fuqu fil-każ ta’ Chris Cardona.

Għaldaqstant malajr tinbet il-mistoqsija: l-pulizija għaliex naqset li tħarrek lil Chris Cardona u li tixlieh bid-delitt ta’ konġura biex iseħħ qtil? X’kienu qed jagħmlu f’dawn is-sentejn li għaddew jew kemm ilhom li saru jafu b’din l-allegazzjoni? X’żammhom milli jiġbru l-provi u jinvestigaw din l-allegazzjoni?

It-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet ma tridx tkun għaref wisq biex tkun taf x’inhuma.