Politikament Chris Fearne ma jridx jegħreq u jrid li jibqa’ jimraħ fil-wiċċ. Mhux biss għaliex għandu għatx għas-setgħa u jibża li jitlifha. Iżda għaliex jinsab konvint li hu ma kellu x’jaqsam xejn mal-ħadma ta’ Steward u dan minkejja l-fatt li ta’ madwaru lkoll huma mċappsin.
Dalgħodu s-Sunday Times of Malta tkellmet dwar id-diżgwid li hemm bejn Robert Abela u Joseph Muscat. Robert Abela, li jrid iżomm lilu nnifsu u lill-gvern tiegħu ‘l bogħod mill-iskandlu tal-isptarijiet li ġie kundannat mill-qorti fis-sentenza tagħha, lill-membri tal-istampa kulma qalilhom hu li: “Lanqas biss kont membru parlamentari meta seħħ dan kollu”.
Ma qalilhomx li “bi ħsiebu jitgħallem tagħlima”, “jiskuża ruħu mal-pazjenti li qed jingħataw kura medjokri”, “jisgħobbih għat-tberbiq ta’ flejjes pubbliċi”, “ser jagħmel impenn biex min għandu jerfa’ r-responsabbiltà, jerfagħha u jħallas tagħha”. Xejn minn dan. Kulma qalilhom kien: “jien ma kellix x’naqsam”.
Huwa minnu li, meta kien ġie ffirmat il-ftehim fl-2015, hu ma kienx membru parlamentari. Iżda huwa minnu wkoll li, fil-pjan li kellu f’moħħu Joseph Muscat, hu kellu rwol aktar importanti minn uħud mill-membri parlamentari. Bosta membri parlamentari ma kienux membri tal-kabinett u ma kienux jissejħu biex jattendu għal laqgħat ma’ Joseph Muscat. Il-biċċa l-kbira tal-membri parlamentari ma kienux il-konsulenti legali ta’ Joseph Muscat.
Joseph Muscat dan il-fatt qed isemmih ma’ kull kelma li jlissen. L-istqarrijiet li qed jagħmel huma ċari: Joseph Muscat m’hux bi ħsiebu jammetti r-responsabbiltà u jerfagħha ma’ Robert Abela. Biss qed ifakkru li jekk kellu jispiċċa li jegħreq hu, lil Robert Abela ser jiġbdu miegħu lejn il-qiegħ.
Hemm ukoll it-tielet persuna f’din il-gwerra.
Filwaqt li jrid, flimkien ma’ Robert Abela, li jżomm ‘il bogħod mill-gvern ta’ Joseph Muscat, Chris Fearne ċertament m’huwiex konvint mill-innoċenza tiegħu u dik ta’ Robert Abela.
Chris Fearne jew l-alleati tiegħu qed jippruvaw jagħmlu l-impossibbli: jiġifieri li jtellgħu paraventu bejnu u bejn il-gvern ta’ Robert Abela biex ir-riħa tinten li ħalla warajh Joseph Muscat taqa’ fuqhom biss biex b’hekk li hu jidher nadif tazza.
Mill-mezzi soċjali sirna nafu, per eżempju, li Joseph Muscat kien ġie mwissi li Steward kienu qed jiġu investigati mill-awtoritajiet Amerikani dwar “prattiċi korrotti” u dan jumejn sħaħ (reġgħu aqrawha sewwa din: jumejn) qabel Steward kienu ħabbru li xtraw l-ishma tal-Vitals.
F’din l-iscreenshot imxandra minn Mark Camilleri jidher skambju ta’ messaġġi bejn Joseph Muscat u persuna mhux magħrufa li permezz tagħhom din il-persuna twissi b’dan lill-prim ministru u Joseph Muscat jagħżel li jgħatti kollox. Dan l-iscreenshot ma nafx kemm hi awtentika u Joseph Muscat għad jista’ jiċħad li qatt bgħat messaġġi bħal dawn.
Min jaf kienx Chris Fearne li bgħatlu dawn il-messaġġi? Mal-medda taż-żmien, Chris Fearne dan jista’ jiċħdu jew jikkonfermah iżda din hi biss spekulazzjoni li jkun jixtieqna nagħmlu.
Lil Chris Fearne qed narawh bilġri jikkwota dak li qalet il-qorti nhar il-Ġimgħa fis-sentenza tagħha fis-sens li, għalkemm fiż-żmien li Steward akkwistaw l-ishma tal-Vitals huwa kien il-ministru tas-saħħa, kien Konrad Mizzi li kien qed jirrappreżenta l-gvern fit-trattativi.
Legalment dan jista’ jkun punt rilevanti. Iżda politikament dan il-punt m’hu rilevanti xejn. Kien Chris Fearne li pubblikament faħħar il-kuntratt u baqa’ jfaħħru fis-snin kollha li serva bħala ministru tas-saħħa. Il-kuntratt ta’ Steward la qatt ma kkundannah Hu wisq inqas qatt qal li kien lest iwarrab. Chris Fearne m’għandux il-kuraġġ li kien wera’ Lino Spiteri.
Anki meta kien għadu qed joħlom li jsir mexxej tal-partit u prim ministru, qatt ma kien semma’ xejn dwar kif kien ser jindirizza u jsewwi l-froġa ta’ Steward billi jieħu passi kontra dwak li għamluha. Għall-kuntrarju, lil Joseph Muscat rajnieh jgħannqu u jfaħħru biex jipprova japprofitta ruħu mill-korruzzjoni tiegħu għax hekk kien jaqbel.
Issa li nkixfu l-borom, Chris Fearne jrid jagħmel l-impossibbli u jridna nirringrazzjawh talli baqa’ b’idejh fuq żaqqu meta kien fid-dmir li jiġġieled għas-sewwa.