Waħda mill-elementi ewlenin tal-iskandlu kumpless tal-Electrogas kienet il-wegħda li kienu għamlu l-“investituri” li ser iħallu l-flus fil-pajjiż bis-saħħa ta’ investiment f’power station ġdida. Wegħda li baqgħet biss fuq il-karta. Il-Gasol, li kellha tiffinanzja l-proġett, spiċċat biex falliet iżda l-gvern, minflok bgħathom jixxejru, ġiegħel lill-Bank of Valletta tislef flus b’garanzija lill-Electrogas f’każ li dawn ifallu wkoll.

Fil-każ tal-Vitals/Steward seħħet storja simili u m’hemmx dubju li s-sentenza li ngħatat il-bieraħ mill-qorti xejn ma niżlet għasel ma’ min qed imexxi l-BoV.

Il-bieraħ il-qorti qalet li, meta xehed Joseph Muscat quddiemha fil-kawża li għamel Adrian Delia, kien qal li bħala prim ministru kien jitqies irresponsabbli kemm il-darba kellu jagħlaq il-bieb f’wiċċ investituri kbar Amerikani. U minkejja l-wegħdiet ta’ xmajjar ta’ flus ġejjin lejn Malta, ta’ Steward ġiegħlu lill-gvern sabiex iġiegħel lill-Bank of Valletta tislifhom madwar €36 million li sal-lum għadhom ma ntraddux lura. Il-gvern iggarantixxa l-ħlas lura ta’ dan is-self biex b’hekk il-Bank of Valletta seta’ jserraħ moħħu. Jekk dakinhar il-Bank kien serraħ moħħu, kien messu jaf aħjar.

Meta Adrian Delia kien beda’ l-kawża tiegħu, lkoll konna nafu bl-istorja ta’ meta Konrad Mizzi kien iffirma kuntratt supplimentari għall-kuntratt ewlieni li kien ġie ffirmat ma’ Steward li permezz tiegħu ntrabat li, kemm il-darba t-trasferiment tal-kuntratt tal-isptarijiet jiġi annullat mill-qorti, għandu jagħmel tajjeb il-gvern billi jħallas id-dejn tagħhom hu. U mhux hekk biss. Il-gvern kien intrabat ukoll li, mad-dejn li jkun għamel tajjeb għalih, igħaddilhom kapparra ta’ €100 miljun.

Fil-qorti, Joseph Muscat u Edward Scicluna – li fiż-żmien meta kien sar il-kuntratt b’dan l-irbit kienu l-prim ministru u l-ministru tal-finanzi – xehdu bil-ġurament li ma kienu jafu xejn dwar il-wegħda ta’ ħlas ta’ kapparra ta’ €100 miljun. Nistgħu nibdew nitkellmu dwar it-teħid ta’ ġuramenti foloz dakinhar li jibda’ jmerihom Konrad Mizzi.

Sadattant kulma għandhom f’idejhom ta’ Steward huwa l-firma ta’ Konrad Mizzi fuq dak il-kuntratt.

Iżda bis-saħħa tas-sentenza tiegħu tal-bieraħ l-Imħallef Francesco Depasquale qatagħha li l-kuntratt tat-trasferiment tal-Isptarijiet, bil-kuntratti supplimentari b’kollox, m’għadux igħodd. Dan ifisser li l-qorti mhux biss ħassret u annullat l-obbligu tal-gvern li jħallas €100 miljun kapparra lil Steward iżda ħassret ukoll l-impenn u l-garanzija tal-gvern li jħallas lill-BoV is-€36 miljun li ġew mislufa lil Steward. Miljuni li tal-BoV m’hux ser jerġgħu jarawhom b’nemes.

Tal-Bank of Valletta m’hemmx dubju li ser ikunu jridu flushom lura mingħand il-Ministeru tal-Finanzi. U l-borma ser tkompli titħawwad. €36 miljun m’humiex sold jew tnejn. U għalkemm il-gvern irid jibqa’ jikkontrolla lill-BoV biex ikun jista’ jġiegħel lill-bank jibqa’ jisqi lis-sħab korrotti tiegħu, l-gvern m’huwiex is-sid tal-BoV.

Is-sidien tal-BoV huma eluf ta’ ċittadini li Konrad Mizzi, Joseph Muscat u Edward Scicluna għadhom kemm irranġawhom għall-festi.