Wara li għamel jiem u ġimgħat sħaħ jinjora problema kbira li mingħalih seta’ jsib tarfha billi jidfinha taħt it-trab, Robert Abela stembaħ – x’aktarx li heżżu s-sondaġġ tal-Malta Today tal-bieraħ – u stqarr li kien ser jaħdem biex jintraddu lura l-miljuni li kienu tħallsu lil Steward biex jitranġaw l-isptarijiet.

Bil-fatt li dam dan iż-żmien kollu biex jiċċaqlaq, wieħed ma jistax ma jiddubitax mis-sinċerità tiegħu. Iżda jeżistu raġunijiet oħrajn li jġiegħluna nkemmxu xufftejna.

L-ewwelnett, aktar jisfida lil Steward aktar ser jipprovokahom biex jikxfu t-taħwid kollu li ħawwad il-gvern f’din il-kwistjoni. Kemm il-darba Steward għandhom f’idejhom provi dwar korruzzjoni li fih jinsab imdaħħal il-Vitals, ibqgħu ċerti li dawn ser ikunu mħajjra li jikfuhom. Jekk il-gvern kien serrħilhom rashom li l-100 miljun ewro kienu ser jirċevuhom xorta waħda, tiddeċiedi kif tiddeċiedi l-qorti, ibqgħu ċerti li dawn ser joqomsu kemm il-darba jibqgħu b’xiber imnieħer.

It-tieni, Robert Abela issa qed jitkellem b’ċerta arja dwar Steward sforz il-fatt li Adrian Delia kien fetaħ il-kawża meta kien kap tal-oppożizzjoni. Sakemm inqatgħet is-sentenza mill-qorti, il-gvern dejjem żamm ma’ Steward, baqa’ jiddefendi l-kuntratt u kien saħansitra qal li Adrian Delia ma kellux dritt li jikkontestah. Min iġib ruħu ta’ ġakbin ma tistax tafdah speċjalment meta jkun għadu kemm seħħ it-tradiment.

It-tielet, Robert Abela ilu jmexxi l-gvern għal tliet snin sħaħ. Gvern li baqa’ jonora l-kuntratt korrott u qarrieq li kien sar ma’ Steward. Ġaladarba kien jaf li dawk il-miljuni kollha ma kienux qed jintefqu fejn kellhom jintefqu, il-għala xorta baqa’ jħallashom? Lil min għamel froġa bħal din, kif jippretendi li għandna nafdawh biex isewwi l-ħsara li saret mingħajr ma jgħaddilna suspett minn rasna li ser jipprova jgħatti x-xtur?

M’jinix ngħid li l-gvern m’għandux jagħmel l-isforzi kollha meħtieġa biex jara li l-miljuni li tħallsu lil Steward u lil Vitals jintraddu lura. Li qed ngħid hu li ċertament mhux biżżejjed li gvern jagħmel talba biex jintraddu l-flus lura u jieqaf hemm.

L-Imħallef Francesco Depasquale assuma li l-aġenti tal-gvern li ħadmu mal-Vitals u ma’ Steward kienu persuni ta’ subgħajhom f’ħalqhom, inkompetenti u li ġew jaqgħu u jqumu mill-interess nazzjonali. U minkejja kollox, ħadd ma spiċċa dabbar rasu u dan għaliex Robert Abela, Chris Fearne u l-bqija qed iwaħħlu f’Konrad Mizzi. Jidher li Robert Abela, Chris Fearne u l-bqija jippretendu u jaħsbu li lill-poplu tista’ tgħaddih biż-żmien kif trid.

Nafu biżżejjed dwar din il-ħadma biex niġbdu konklużjonijiet li huma ħafna aktar ħorox minn dawk li ġibed l-Imħallef. F’din il-ħadma kien hemm politiċi li ħaxxnu bwiethom b’mod illeċtu u politiċi oħrajn li għadhom fil-kariga li għattewlhom u li għadhom qed igħattulhom sal-lum. Nittamaw li dan kollu għad jiġi stabilit mill-inkjesta maġisterjali li nediet Repubblika xi snin ilu.

Ta’ min jistaqsi: fejn għandha x’taqsam din il-ħadma, kif jista’ l-poplu jafda l-interessi tiegħu f’idejn min jinsab taħt id-dell ta’ investigazzjoni kriminali appuntu dwar is-sehem tiegħu fl-istess ħadma?

Illum qrajt l-artiklu ta’ Victor Calleja fit-Times of Malta u ngħid li għandu raġun biex ibiegħ. Lanqas jitwemmen li fil-pajjiż għadha ma skattatx kriżi politika.

Tgħid din bomba li għad trid tisplodi?