Il-bieraħ Bernard Grech laqat il-musmar fuq rasu. Fl-għaxar sena ta’ gvern Laburista nfakkru deċennju li matulu l-imġieba bażika f’dik li hi governanza ġiet injorata b’mod sistematiku u l-politika ma baqgħetx strument li bis-saħħa tiegħu jseħħu tibdiliet li jkunu fl-interess pubbliku, iżda nbidlet f’għodda li tintuża bil-għan li jinqdew l-interessi tal-bażużli.

Tal-Partit Laburista wieġbu billi stqarrew li Bernard Grech għamel diskors “partiġġjan”. Iżda Grech huwa l-kap tal-oppożizzjoni u xogħolu appuntu huwa li jkun partiġġjan. Wieħed jista’ jikkritika mħallef, Speaker parlamentari, President, kap tal-pulizija jew ġurnalist ta’ stazzjon nazzjonali u jakkużah b'”partiġġjaniżmu” għaliex huwa mistenni li dawn ma jkunux partiġġjani f’imġiebithom u diskorshom. Iżda wieħed ma jistax jistenna ambivalenza jew newtralità mingħand uffiċjal pubbliku li dmiru huwa appuntu dak li jiġbidlek l-attenzjoni dwar in-nuqqasijiet tiegħek. Min jirraġuna b’dan il-mod ikun qed joħloq kult.

Tal-Labour wieġbu b’mod infantili u stqarrew li “kien sar ħafna ġid”. Lil min sar dan il-ġid? Bħal dak li qallu d-dħul taċ-childcare b’xejn huwa biżżejjed biex ikun ħaqqek li tingħata r-riedni tal-gvern għal 15 il-sena sħaħ!

Wara għaxar snin taħt ir-reġim ta’ Muscat-Abela, ta’ min wieħed igħaddi lill pajjiż minn għarbiel li jien insejjaħlu “l-għarbiel ta’ Lawrence Gonzi”.

Fl-2013, il-Partit Laburista rebaħ lill-PN ta’ Lawrence Gonzi wara 9 snin li matulhom l-oppożizzjoni Laburista nidiet kampanja bil-għan li tikkonvinċi lin-nies li l-gvern ta’ Gonzi kien daħħalna f’mina mudlama li d-dawl ta’ Alfred Sant u ta’ Joseph Muscat biss setgħu jeħilsuna minnha.

Tiftakru x’kien jismu ċ-chief of staff ta’ Lawrence Gonzi? Jien ismu niftakru għax lil dan il-bniedem jien nafu. Iżda int x’aktarx li ismu ma tiftakrux għaliex ma kienx xi wieħed li kien ħoloq kumpannija fil-Panama biex fiha jferra’ l-miljuni ġejjin mingħand kuntrattur u li, mal-medda taż-żmien, ġie mixli b’tixħim u korruzzjoni f’każ li minħabba fih kellu jqatta’ ġimgħatejn f’Kordin hu u jistenna’ li jingħata l-libertà proviżorja.

Tistgħu forsi timmaġinaw lil Lawrence Gonzi jipprivatizza xi azjenda pubblika – fejn naf, forsi xi tliet sptarijiet? – f’proċess li qorti ssejjaħlu bħala wieħed qarrieq u illegali?

Iżda ser nitlobkom timmaġinaw lil Lawrence Gonzi, hu u jieħu r-riedna tal-pajjiż minn idejn il-mexxej ta’ qablu, jirregala karrozza SUV lil Mary Fenech Adami. Tiftakru kemm kien hemm min għamel għaġeb dakinhar li Lawrence Gonzi, ftit wara li kien ħa l-ġurament ta’ prim ministru, nnomina lill-mexxej ta’ qablu bħala President ta’ Malta għal 5 snin? Din kienet kariga li Eddie u Mary Fenech Adami kienu aċċettawha b’nofs qalb għaliex l-intenzjoni tagħhom kienet li jirtiraw mix-xena pubblika u jgħixu fil-kwiet. Iżda dak iż-żmien tal-Labour tgħidx x’plejtu kienu għamlu.

Tistgħu timmaġinaw x’kienu jagħmlu tal-Labour li kieku Kate Gonzi ngħatat xi Range Rover b’rigal mill-istat dan kollu għaliex żewġha jkun spiċċa minn prim ministru?

Paragunat mal-ħniżrijiet kollha li wettqu, l-valur tal-karrozza ta’ Michelle Muscat m’huwiex xi għaġeb tal-għeġubijiet. Iżda din hi kwistjoni li n-nies jeħtieġ li jifhmuha. Ħadd ma jirregala karrozza lil mart dak li jkun tkeċċa mix-xogħol. Ħaġa bħal din la sseħħ fis-settur pubbliku u lanqas fis-settur privat.

Tistgħu qatt timmaġinaw x’kien igħaddilkom minn moħħkom li kieku kellkom issiru tafu li Lawrence Gonzi, snin wara li jkun ħalla l-kariga, kien qed jirċievi ħlasijiet mingħand xi kuntrattur li kien qabbad jew li b’xi mod kellu x’jaqsam miegħu fiż-żmien li kien prim ministru? Tistgħu timmaġinaw li kieku kellna nsiru nafu li kien qed jirċievi ħlasijiet mingħand Skanska jew l-Arriva?

Joseph Muscat irċieva ħlasijiet mingħand dawk li jmexxu l-Vitals, persuni li mħallef sejjħilhom bħala bħala frodisti li setgħu biss ibillu jdejhom fix-xaħam għax il-gvern Malti wera’ inġenwinità li ma titwemminx. Iva, mhux hekk! Joseph Muscat ta’ subajh f’ħalqu!

Tistgħu qatt timmaġinaw lil Lawrence Gonzi pubblikament iħeġġeġ maġistrat biex tfittex teħles inkjesta dwar mewt li jista’ jkollha implikazzjonijiet fuq nuqqasijiet jew mġieba mhux korretta minn naħa tal-istat? Robert Abela qed jagħmel proprju dan.

Tistgħu qatt timmaġinaw lil Lawrence Gonzi jipprova jgħaddi liġi mill-Parlament biex is-setgħat tal-Parlament igħaddu f’idejh? Robert Abela għamel proprju dan.

Tistgħu qatt timmaġinaw lil Lawrence Gonzi jikri  proprjetà li finanzjarjament ma jiflaħx għaliha lil persuni Russi u dan biex igħinhom jakkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija? Robert Abela għamel proprju dan.

Tistgħu qatt timmaġinaw lil Lawrence Gonzi, waqt li jkun qed iservi fil-kariga ta’ prim ministru, jiżviluppa proprjetà ta’ valur li ma jlaħħaqx miegħu u jikkonvertiha f’lukanda ta’ lussu? Hekk proprju qed jagħmel Robert Abela.

Għal dan kollu jippretendu li għandna nikkunslaw bid-dħul taċ-child-care b’xejn? Tgħid m’għandniex għalxiex nippretendu li jkollna prim ministri li jaħdmu fl-interess pubbliku u mhux fl-interess ta’ buthom?

Il-bieraħ Bernard Grech fakkar fil-wegħdiet li tal-Labour kienu għamlulna lejliet l-elezzjoni tal-2013.

Fakkar fl-għajta “Malta Tagħna Lkoll” – għajta li ma stennejniex li kienet ser tispiċċa titkanta minn Christian Kaelin, Ram Tumuluri, Ali Sadr Hashemi Nejad u Turab Musayev  qishom dawk il-Koreani jkantaw “Ma tagħmlu xejn mal-Perit Mintoff”.

Bernard Grech fakkar fil-wegħda tal-meritokrazija. Joseph Muscat kien ta’ spiss jirrepeti l-għajta li “tista’ ma taqbilx magħna u xorta taħdem magħna”. Għajta li hi kemmxejn ironika għal dawk il-Laburisti kollha li twarrbu talli rrifjutaw li jaħarqu l-inċens u jixgħalu x-xemgħat lill-allat Muscat jew Abela.

Minbarra dak li stqarr Bernard Grech, kien ferm meqjus il-kliem li kiteb dak li kien l-ideologu u partitarju tal-Partit Laburista Desmond Zammit Marmarà dwar l-aħħar 10 snin.  Huwa kiteb li l-aħħar 10 snin kienu snin ta’ tradiment. Snin li matulhom il-pajjiż, il-poplu Malti u l-interessi tiegħu ngħataw il-ġenb biex il-koppji Muscat u Abela setgħu jimlew bwiethom.

Iż-żewġ koppji huma rivali ta’ xulxin u jinsabu f’tellieqa bejniethom dwar min minnhom għandu l-ħila jaħtaf l-aktar.

Dawn iż-żewġ koppji ddominaw l-aħħar 10 snin. F’pajjiż normali, min jidħol għall-ħajja politika jfittex li jfassal politika aħjar u li jtejjeb il-governanza.

Bis-saħħa ta’ imġibithom, dawn l-erba’ minn nies qed iġiegħluna naspiraw u noħolmu li għad jasal żmien li ma jkollniex għalfejn narawhom aktar b’għajnejna.